Il-bini tas-sit ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid fi Triq l-Għenba f’Ħ’Attard wasal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif bdew jiġu mgħoddija s-servizzi. Dan sar b’investiment ta’ ħames mija u sebgħin elf ewro, u b’kollox se jakkomoda tmien familji.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara li għamel fuq lant tax-xogħol. Hawn qal li dan il-proġett juri kemm il-gvern qed jiffoka fuq żoni differenti fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali, u li l-ħidma tiegħu qed issarraf f’binjiet ta’ kwalità.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Dawn it-tmien familji se jħossuhom parti minn komunità u d-disinn u l-integrazzjoni li rajna li hemm bżonn marbut dan il-proġett qed narawha li qed iseħħ fir-realtà.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay saħaq li d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali fi ħdan l-Awtorità se jibda jagħmel eżerċizzju biex tiġi aġġornata l-informazzjoni eżistenti tal-applikanti kollha. Dan hekk kif se jibdew isiru riċerki estensivi fuq id-dħul u l-assi li għandhom l-applikanti, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti.
Huwa qal: “Nedejna eżerċizzju ġdid fejn naraw li l-applikanti tagħna jkollhom l-iktar data aġġornata fosthom id-dħul tagħhom x’inhu u anke x’assi għandhom sabiex naraw li l-binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali jmorru għand min ġenwinament għandu bżonn.”