Għexieren ta’ professjonisti fi ħdan is-settur edukattiv ħadu sehem f’laqgħa ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni għas-snin 2024-2030.
B’differenza għal strateġiji preċedenti, din qed tkun imfassla bis-sehem attiv tal-imsieħba kollha, b’mod partikolari tal-professjonisti, tal-ġenituri u saħansitra l-istudenti infushom.
Fil-fatt għadu kif intemm l-eżerċizzju li ġabar fih informazzjoni mingħand l-imsieħba kollha u issa din se tkun qed tiġi pproċessata. Dan qabel jitnieda d-dokument għall-istrateġija, li se jiġi kkonsultat mal-pubbliku fi proċess simili għal dak li jgħaddu minnu strateġiji simili.
Din l-istrateġija se tkun qed tindirizza r-realtajiet u l-isfidi tal-preżent, fosthom billi tiffoka fuq tliet pilastri ewlenin – il-benesseri; il-kisbiet u l-ħiliet; u l-inklużjoni.
Importanza partikolari se tingħata wkoll lejn l-edukazzjoni ħolistika u mhux biss dik obbligatorja u formali.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, spjega l-ħidma li diġà saret f’dan il-proċess.
Matthe Vella spjega li, “Matul l-aħħar xahrejn saru ’l fuq minn mija u ħamsin laqgħa ta’ konsultazzjoni, tkellimna ma’ iżjed minn elf u sitt mitt student, u aktar minn elf u erba’ mitt edukatur. Tkellimna wkoll ma’ tmenin entità jew stakeholder differenti. Dan wassalna biex illum bdejna, allura, it-tieni fażi tal-pre-consultation fejn dak il-feedback li ġbarna jibda jingħaqad u jifforma f’dokument wieħed.”
F’Settembru, imbagħad, id-dokument ikun iffinalizzat u jiġi ppubblikat għal konsultazzjoni aktar wiesa’. Dan se jwassal biex minn April tas-sena d-dieħla pajjiżna jibda jimplimenta din l-istrateġija.
Il-Ministru għall-Edukazjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, innota l-importanza tas-sehem tal-imsieħba kollha hekk kif għandhom kuntatt dirett mal-istudenti li huma l-klijenti tal-edukazzjoni.
Grima stqarr li l-istrateġija l-ġdida trid tagħraf il-ħiliet u potenzjali differenti tal-istudenti, iżda kif ukoll id-differenzi fir-realtajiet dwar minn fejn ġejjin l-istudenti. Kien għalhekk li ttieħed dan l-approċċ biex tkun imfassla din l-istrateġija.
Hawn il-Ministru spjega li, “B’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtu anke ownership lid-diversi setturi ta’ dik li hi s-sistema edukattiva tagħna, sistema edukattiva li trid tipprepara lil dan il-pajjiż proprju għas-snin li ġejjin snin, li żgur mhux forsi ħa jkomplu jaraw tibdil f’dawk li huma diversi toroq li ħa jkunu hemmhekk bħala opportunità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”
Grima ma naqasx milli jirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni s’issa, filwaqt li awgura aktar suċċess biex dan il-proċess ikompli jirnexxi.