B’effett minn dan ix-xahar, se jkunu qed jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar il-mod ta’ kif il-Gvern jixtri prodotti u servizzi, proċess magħruf bħala public procurement.
Dawn ir-regoli se jwasslu għal proċessi aktar effiċjenti, flessibbli, b’inqas burokrazija u b’aktar trasparenza. Ir-regoli se jwasslu wkoll biex Malta tkun konformi mar-regolamenti u direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Il-mod ta’ kif il-Gvern jagħmel ix-xiri tiegħu huwa regolat mill-Public Procurement Regulations, liema regoli għaddew minn proċess ta’ reviżjoni biex jirriflettu l-ħtiġijiet preżenti tal-Gvern. Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha wkoll aktar faċli u irħas għall-intrapriżi żgħar u medji li jitfgħu l-offerta tagħhom għall-kuntratti pubbliċi filwaqt li jassiguraw l-aħjar valur għall-flus għal xiri pubbliku.
Permezz tar-regoli l-ġodda, se jiddaħħlu numru ta’ prattiċi ġodda fosthom li l-proċess tas-sejħiet għall-offerti għandu jsir online permezz tal-Electronic Public Procurement System (magħrufa bħala epps). Din is-sistema se twassal għall-iffrankar ta’ ħin u flus filwaqt li l-proċess ser ikun aktar faċli mis-sistema manwali użata fil-passat.
Se jsir ukoll tibdil fir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-quotations. Fil-fatt, fejn qabel setgħu jintalbu tliet quotations għal servizz jew prodott li jiswa aktar minn €10,000, issa bilfors trid tinħareġ sejħa għall-offerti.
Il-proċess tal-appelli ser jiġi rriformat ukoll, fejn se jkun hemm proċess wieħed u l-appelli kollha jridu jsiru quddiem il-Public Procurement Review Board (PCRB) filwaqt li issa jistgħu jsiru appelli dwar servizzi jew prodotti li jiswew €5,000 u aktar. Din il-miżura se sservi biex il-proċess ikun aktar trasparenti u jinqatgħu l-possibilitajiet ta’ abbużi.
Ir-regoli l-ġodda se jsaħħu l-proċess ta’ esklużjoni ta’ kumpaniji jew individwi li jagħmlu użu mill-prekarjat u se jeskludu wkoll kumpaniji jew individwi li jinstabu ħatja ta’ korruzzjoni, frodi, ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa jew tal-ħlas tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema, kriminalità organizzata, kif ukoll li ħaddmu minorenni jew forom oħra ta’ traffikar ta’ persuni, fost l-oħrajn. Dawn il-kumpaniji jew individwi kollha ser ikunu esklużi milli jagħmlu offerti biex jirbħu kuntratti pubbliċi għal perjodu ta’ ħames snin minn meta jinstabu ħatja u l-esklużjoni tapplika mhux biss f’Malta iżda fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Ir-regoli l-ġodda jaħsbu wkoll biex l-irwol tad-Dipartiment tal-Kuntratti jinbidel minn operatur għal dak ta’ regolatur. Dan se jwassal ukoll għad-diċentralizzazzjoni tal-proċess tax-xiri pubbliku (l-ewwel permezz ta’ proġett pilota f’żewġ Ministeri), fejn kull Ministeru se jwaqqaf Procurement Unit ċentrali li jkollha r-responsabbilità li tipproċessa offerti stmati li jiswew bejn €10,000 u €250,000 ta’ kull awtorità kontraenti li taqa’ taħt il-Ministeru rispettiv.