Daħal fir-raba’ jum is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li għandu jiddeċiedi l-baġit għas-seba’ snin li jmiss kif ukoll il-pjan ta’ rkupru ekonomiku mill-pandemija li bejniethom mistennija jammontaw għal ftit inqas minn żewġ triljun ewro.
Id-diskussjonijiet intensivi fl-aħħar sigħat baqgħu għaddejjin sa kmieni dalgħodu, bil-pajjiżi Ewropej jibqgħu maqsumin fuq id-direzzjoni li għandha tieħu l-Ewropa.
Rapporti viċin il-medja tan-negozjati jsostnu li fl-aħħar sigħat il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ressaq proposta oħra li għalkemm għadha ma ġietx aċċettata, jidher li beda’ joħroġ forma ta’ konsensus fuqha.
Madanakollu id-dewmien jidher li qed iħalli diversi mexxejja fuq ix-xwiek fosthom il-President Franċiż Emanuel Macron li qed ikun irrapportat li hedded li jħalli l-mejda tan-negozjati.
Jibqgħu jżommu milli jintlaħaq ftehim huma l-pajjiżi li jridu kontroll strett fuq kemm se jingħataw fondi ta’ rkupru u kif se jintefqu bħall-Olanda, l-Awstrija u l-Isvezja fost oħrajn filwaqt li pajjiżi milquta serjament mill-pandemija bħall-Italja u Spanja jibqgħu jinsistu li l-Unjoni Ewropea tiftaħ iżjed idejha.
Hekk kif is-sessjoni plenarja tal-Ħadd ma bdietx qabel iċ-ċena ta’ filgħaxija, il-Prim Ministru Malti Robert Abela qatta’ l-jum tal-Ħadd f’diversi laqgħat bilaterali fosthom mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, kif ukoll mal-Prim Ministri tal-Iżvezja, ir-Rumanija, il-Kroazja u l-Bulgarija.
F’kummenti l-Prim Ministru Malti qal li pajjiżna se jkompli jinsisti għal kompromess ġust.
Skont kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew, id-diskussjonijiet fil-plenarja tas-summit se jissokktaw fl-4:00 ta’ waranofsinhar.
Il-mexxejja Ewropej huma mistennija jiltaqgħu bħala grupp sħiħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija sabiex jipprovaw jagħlqu l-ftehim.
Is-summit kellu jitratta’ wkoll il-baġit ewroprew għas-seba’ snin li ġejjin, madanakollu sa issa għadu mhux magħruf jekk il-mexxejja humiex se jittrattaw dan wara li jingħalqu d-diskussjonijiet fuq il-pjan ta’ rkupru jew jaġġornawx għal data oħra.
Summits li jtulu daqshekk huma rarissimi. Fil-fatt dan is-summit, li beda’ nhar il-Ġimgħa li għadda huwa t-tieni l-itwal wieħed fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Bl-itwal wieħed kien dak li wassal għat-trattat ta’ Nizza fis-sena 2000.