Ċittadini tal-Unjoni Ewropea, Żvizzeri, u dawk tal-pajjiżi membri taż-żona Ekonomika Ewropea, l-EEA, kif ukoll qraba li għandhom id-dritt tal-moviment liberu, se jingħataw dokument ta’ residenza ġdid u aktar sigur minn Identity Malta.
Dan se jkun introdott b’mod gradwali, u se jinħareġ wara tnedija u l-permess ta’ residenza ġdida li ħareġ għall-pajjiżi terzi u l-introduzzjoni tal-karti tal-identità u l-passaporti ġodda. Dan biex tissaħħaħ ukoll il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tad-dokumenti u serq tal-identità.
Din il-karta l-ġdida se tkun qed tinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda jew ta’ dawk ta’ tiġdid, filwaqt li dawk il-kards li jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni se jibqgħu validi sad-data ta’ skadenza mniżżla fuq id-dokument.
B’rabta ma’ dan, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat faħħar l-isforzi ta’ Identity Malta biex timmaniġġja u tipproteġi r-residenti ta’ Malta u Għawdex.