Ix-xogħol tal-proġett ta’ manutenzjoni tat-triq mad-dawra ta’ Buġibba u l-Qawra ser ikompli matul l-iljieli bejn it-Tnejn u l-Ħamis.
Ix-xogħol ta’ manutenzjoni u asfaltar ser ikompli min-naħa tal-pont ta’ Buġibba direzzjoni lejn Triq it-Trunċieri, f’fażijiet differenti.
Ix-xogħol f’dawn il-partijiet tat-triq ser isir billejl bejn l-10.00 ta’ filgħaxija u t-8.00 ta’ filgħodu mil-lum sa nhar il-Ħamis 11 ta’ Mejju.
Matul dawn l-erbat iljieli, Transport Malta avżat li dawn il-partijiet tat-triq ser ikunu magħluqa għat-traffiku.
Dan il-proġett huwa investiment ta’ €3.5 miljun għal titjieb ta’ toroq f’Buġibba u l-Qawra, parti mill-flus ta’ dan l-investiment nġabru permezz tal-kontribuzzjoni ambjentali li jħallsu t-turisti. Bħala parti mill-manutenzjoni, qed isir re-surfacing tat-toroq.
Dan hu proġett li ilu mistenni ferm hekk kif l-istat tat-toroq f’din iż-żona qed jagħtu dehra mill-iktar kerha lill-lokalità ta’ Buġibba.
Transport Malta ħeġġet biex is-sewwieqa isibu toroq alternattivi u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq il-post.