Għadd ta’ klijent tal-bank baqgħu ssummati wara li dalgħodu żagħżugħ ta’ 25 sena daħal f’bank f’Ħal Luqa u qalilhom li l-flus mhux kollox.
Josianne Scicluna kienet waħda mill-klijenti fil-bank. Qalet li f’ħin bla waqt ġuvni Malti mar quddiemha u xi nies oħra li kienu qabilha u qalilhom li xtaq ikellimhom.
Qalet li lkoll kemm huma ħarsu lejh u ħafna ħasbu li se jitlobhom biex jaqbiżhom.
Hawnhekk qalilhom li xtaq jgħidilhom kelmtejn. “Il-flus mhux kollox fil-ħajja. Żommu lil Alla f’qalbkom,” qalilhom iż-żagħżugħ waqt li ħareġ ‘il barra mill-bank.
Qalet li hawnhekk rat l-uċuħ u l-espressjonijiet ta’ dawk quddiemha li lkoll baqgħu mgħaġġbin b’dan il-parir ta’ dan iż-żagħżugħ.
Scicluna tenniet tgħid li kif telaq ‘il barra, il-klijenti bdew jitkellmu u qalu li ħasbuh se jitlobhom il-flus jew li jrid xi ħaġa.
“Toqgħod taħseb. Rari ssibhom dawn in-nies u meta ssibhom naħsbu ħażin fuqhom”, temmet tgħid is-Sinjura Scicluna.