Persuni li nstabu ħatja ta’ tixħim fil-futbol Malti sal-lum m’għandhom l-ebda projbizzjoni milli jkomplu jidħlu fl-grawnds fejn jintlagħbu l-kompetizzjonijiet lokali.
Din hija xena li d-dilettanti tal-isport jaraw quddiemhom spiss fi tmiem il-ġimgħa meta jsir il-logħob tad-diviżjonijiet differenti f’pajjiżna.
Hija sitwazzjoni li tapplika wkoll għal meta jilgħab it-tim nazzjonali Malti li bħalissa wkoll huwa implikat fi stejjer ta’ korruzzjoni. Wara l-każ ta’ kontra n-Norveġja li qam fl-2011, din is-sena kien hemm dawl ikrah ukoll fuq il-logħba ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena kontra l-Montenegro fejn saħansitra tressqu nies il-Qorti.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat kif xhieda fil-Qorti dwar dan l-aħħar każ weriet kif ċerti nies li jibqgħu jħufu f’ċertu rkejjen tal-grawnds minkejja li diġa nstabu ħatja li rranġaw il-logħob għal gwadann finanzjarju. Għal ħafna dan jitqies bħala stedina biex ikomplu fejn ħallew.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, xehed Ronnie Mackay akkużat li organiżża t-tixħim ta’ numru ta’ plejers żgħażagħ nazzjonali kontra l-Montenegro li ntlagħbet fit-tlieta u għoxrin ta’ Marzu li għadda. Mackay spjega l-intriċċi li kienu għaddejjin bejn lagħba Maltin, Ċiniż u plejers biex jintlagħbu l-flus u r-riżultat jiġi mmanipulat biex Malta titlef kemm fl-ewwel taqsima kif ukoll fit-tieni taqsima.
Dakinhar tal-logħba, Ronnie Mackay mar il-Hibernians Stadium fejn kienet se tintlagħab il-logħba. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni staqsiet lix-xhud ‘min kien hemm il-ground?’. Pront it-tweġiba ta’ Mackay, “Robert u Pelinku”. L-akkużat fissirhom bħala tnejn li kien jilgħab football magħhom. Qal li lilhom biss kien ra dakinar, meta ltaqa magħhom fil-half time tal-logħba allegatment imbabsa.
Ilir Pelinku huwa eks plejer Albaniż li bejn fl-istaġun 2008-2009 kien involut fil-każ li xxokkja l-football Malti bit-tixħim fil-logħba tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA bejn Marsaxlokk u Slaven Belupo. Pelinku kien ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs.
Imma sal-lum għadu jidħol il-grawnd qisu xejn m’hu xejn. U l-istess jista jingħad għal kull min diġa nstab ħati jew jinstab ħati fil-futur qarib. L-integrity officer tal-MFA Frans Tabone ikkonferma din ir-realta fil-programm Pjazza.
Imma s-sitwazzjoni mistennija tinbidel. Bħalissa għaddejjin taħditiet bejn l-awtoritajiet governattivi, il-pulizija, Sport Malta, l-Awtorita tal-Logħob, u l-MFA biex tissaħħaħ il-liġi li twaqqaf inċidenzi bħal dawn.