Daħlu fis-seħħ sett ta’ protokolli ġodda fid-djar tal-anzjani kontra t-tixrid tal-Covid-19.
Dawn il-protokolli tniedew mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali flimkien mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
Il-protokolli jitolbu lill-ħaddiema u r-residenti fid-djar tal-anzjani biex jiġu ttestjati għall-virus b’mod frekwenti, filwaqt li darbtejn kuljum għandha tittieħed it-temperatura tal-ġisem ta’ kull ħaddiem.
Intqal li l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani għandhom ikunu responsabbli fil-ħajja privata tagħhom.
Il-protokolli jgħidu wkoll li kull ħaddiem irid jilbes maskra l-ħin kollu u reġa’ sar aċċenn fuq il-ħasil tal-idejn.
Is-sett ta’ protokolli ġodda jgħidu wkoll li biex tkompli tiżdied l-protezzjoni tal-anzjani, meqjusa bħala persuni vulnerabbli se tiġi offruta wkoll it-tilqima tal-influwenza kemm lill-anzjani kif ukoll lill-ħaddiema.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li meta r-residenti fid-djar tal-anzjani jiġu ttestjati għall-Coronavirus, id-djar tal-anzjani jridu jżommu lill-qraba infurmati waqt il-proċess kollu.
Apparti hekk, dawk ir-residenti li se jidħlu f’dar tal-anzjani mill-komunità, għandhom jinżammu erbatax-il jum kwarantina filwaqt li r-residenti li jirritornaw id-dar tal-anzjani wara li jkunu ngħataw kura l-isptar għandhom jinżammu ħamest ijiem kwarantina.
Fil-każ ta’ anzjani li jkollhom xi appuntament fl-outpatients, l-isptar, jistgħu jirritornaw id-dar tal-anzjani iżda d-dar trid tagħmel il-kontrolli neċessarji biex tinduna mal-ewwel b’xi sintomi li jista’ jkollu r-resident.
Fejn għandhom x’jaqsmu ż-żjarat lill-anzjani, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qed tirrakkomanda li għandhom jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tad-djar rispettivi.
Saħqet li l-viżitaturi għandhom iżommu f’moħħhom li jekk iħossuhom ma jifilħux, allura m’għandhomx iżuru lill-anzjani.
Intqal li waqt iż-żjarat huwa importanti li jintlibsu l-maskri jew il-visors filwaqt li m’għandux isir kuntatt fiżiku fl-ebda ħin.
Ġie mtenni li bħal dejjem għandha tinżamm id-distanza soċjali.
Is-sett ta’ protokolli ġodda jisħqu li d-djar tal-anzjani jridu jkunu mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex issir komunikazzjoni virtwali bejn l-anzjani u qrabathom.
Fejn għandu x’jaqsam l-ikel, jekk ikun hemm xi anzjani li jġibulhom l-ikel il-qraba, dan allura jsir f’kontenitur li jkun jista’ jew jintmesaħ inkella li jkun siġillat jew li jista’ jintrema.
L-ikel m’għandux jingħata direttament lill-anzjani iżda lill-persuni responsabbli fid-djar tal-anzjani.
Intant, fejn għandhom x’jaqsmu attivitajiet fid-djar tal-anzjani, l-Awtorità se tkun qed tassigura li dawn isiru b’mod frekwenti iżda b’mod sigur kull ġimgħa.
Hawnhekk ukoll sar aċċenn li l-anzjani għandhom iżommu l-grupp tagħhom u ma jitħalltux ma’ residenti f’sulari jew fi swali differenti.
Id-djar tal-anzjani jridu wkoll jidentifikaw żona għall-barbiera jew stilisti tax-xagħar u li dawn jużaw għodda protettiva meta jkunu waqt xogħolhom.
L-istqarrija tal-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali temmet tgħid li l-Ħadd li għadda, b’direzzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ukoll ċirkulari li tgħid li kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Silvio Parnis qal li dawn il-protokolli joffru bilanċ f’ħajjet l-anzjani u l-ħaddiema.
Huwa sostna: “Fejn f’dan il-protokoll hemm il-bilanċ bejn l-anzjan li naraw kif inħalluh attiv la ma jistax joħroġ mid-djar tal-anzjani u naraw ukoll li dawn kollha li jaħdmu mal-anzjani jkunu protetti imma wkoll fl-istess ħin iridu jaraw li hemm ċertu regoli illi jridu jużaw.”