Daħlu fis-seħħ l-emendi fil-liġi tal-IVF, biex issa il-proċess huwa wkoll disponsibbli għal koppji lesbjani u nisa li m’humiex f’relazzjoni.
Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa approva b’mod unanimu l-protokoll dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF bil-għan li aktar koppji jsiru ġenituri.Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien stqarr li l-liġi l-ġdida dwar l-IVF hija aktar moderna, ibbażata fuq ix-xjenza, u waħda li se tagħti l-opportunità biex ikunu ffurmati mijiet ta’ familji. Il-Prim Ministru Muscat qal mijiet ta’ nisa, irġiel, persuni, u koppji, se jkollhom iċ-ċans jiffurmaw lill-familja tagħhom u jkollhom l-ulied.
“Ninsabu kburin li għal darba oħra wettaqna l-Istorja flimkien kif ingħatajna mandat mill-poplu”, qal il-Prim Ministru.
Permezz ta’ din il-liġi l-ġdida, Malta m’għadhiex pajjiż li jiddiskrimina kontra persuni gay, kontra nisa li huma ikbar fl-età jew waħedhom.
“Għalhekk kburi b’pajjiżna, għalhekk kburi bid-deċiżjoni li tajtuna l-mandat intom biex inwettqu u għal darba oħra ninsabu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja”, temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Min-naħa l-oħra, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, fil-mument li għaddiet il-liġi, qal li dan huwa l-mument li l-politiċi ma jibqgħux jaħsbu ta’ tobba iżda jħallu lit-tobba jagħmlu xogħolhom. Fearne qal li l-IVF huwa kura medika u l-Gvern ma jistax jibqa jagħmel diskriminazzjoni f’dan is-servizz.
Bl-approvazzjoni tal-vot parlamentari issa jonqos il-firma tal-President biex issir liġi. Aktar qabel, l-avukat Tonio Azzopardi fetaħ kawża kostituzzjonali li fiha talab lill-Qorti biex tiddikjara l-emendi bħala nulli għal bosta raġunijiet.
Il-Gvern irreagixxa billi qal li l-kawża minnha nnfisha hija diskriminatorja u hi maħsuba biex twaqqaf milli aktar ommijiet u missierjiet isiru ġenituri bil-proċess usa’ tal-IVF.