Permezz t’avviż legali, il-Gvern daħħal fis-seħħ b’mod immedjat emendi fil-Kodiċi Ċivili bl-għan ewlieni li tingħata għajnuna u protezzjoni lil soċjetajiet mużikali li jinsabu bil-mannara fuq rashom u b’riskju ta’ żgumbrament mis-sede rispettiva tagħhom.
Fid-dawl ta’ diversi kawżi ġudizzjarji fil-konfront ta’ każini tal-baned, dan il-gvern ikkonferma l-impenn tiegħu li jimxi spalla ma’ spalla mal-istess baned biex dawn ma jikkrollawx iżda minflok ikomplu jiffjorixxu fis-soċjetà lokali. Dan l-intervent kien ippjanat metikolożimament b’mod li jirrispetta d-drittijet tal-partijiet kollha kkonċernati.
Dwar dan, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li “permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi, qegħdin nipprovaw noħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini, u cioè l-baned, u s-sidien.”
Għalhekk, każini tal-baned li jkunu ilhom jeżistu għal mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet jingħataw protezzjoni f’każ li jispiċċaw mingħajr titolu suġġett għall-kundizzjoni li l-ammont tal-kera in kwistjoni togħla b’mod raġonevoli. “B’hekk jinħoloq bilanċ ekwu bejn il-jeddijiet u l-obbligi kemm tas-sidien kif ukoll tal-imsemmija soċjetajiet mużikali”, qal il-Ministru Owen Bonnici.
Barra minn hekk, is-sid se jgawdi wkoll mid-dritt li jikkontesta l-kundizzjonijiet tal-kera quddiem il-Bord li jirregola l-Kera, liema bord qiegħed jingħata d-dritt li jirrimedja kull sitwazzjoni ta’ sproporzjonalità manifesta wara li jkun ħa kunsiderazzjoni tal-funzjonijiet soċjali u kulturali tal-każin.
Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fil-liġi jikkristalizzaw ir-rikonoxximent mill-gvern Malti tal-kontribuzzjoni tal-każini tal-banda lill-kultura u l-identità soċjali ta’ Malta. Dan kollu jindika li l-gvern huwa dejjem kommess li jieħu deċiżjonijiet biex verament ikunu protetti u salvagwardjati elementi kulturali ewlenin ta’ pajjiżna.