F’ġimgħa mindu bdiet topera t-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, saru ħamsa u erbgħin rapport ta’ vjolenza domestika.
ONE News żar iż-żewġt ikmamar tat-Taqsima fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, li huma mgħammra bil-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jilqgħu lill-vittmi f’ambjent mill-aktar sigur.
Dan diġà wassal biex saru aktar rapporti minn qabel, għax issa l-vittmi qed iħossuhom aktar komdi li jitkellmu u jirrappurtaw.
Kamra minnhom hija għall-vittmi fejn isiru r-rapporti flimkien ma’ ħaddiema mill-Aġenzija Appoġġ. Faċċata tagħha hemm kamra għat-tfal, li fiha jkun hemm ħaddiema li jkunu mat-tfal sakemm isir ir-rapport.
Is-Supretendent fi ħdan l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Vizzji spjega li dawn it-tip ta’ reati ma jħarsux lejn uċuh.
Is-Sur Johann Fenech spjega, “In-nisa huma l-aktar nies li jiġu jagħmlu rapporti però kellna rapporti ta’ rġiel, anki anzjani over 60s u 70s jiġifieri kellna minn kull faxx u m’hemmx età f’dat-tip ta’ reat.”
Saħaq li l-aktar li jbatu f’dawn il-każijiet, huma t-tfal.
“Uħud minnhom speċjalment jekk ikunu żgħar ma jkollhomx il-vuċi jew il-leħen biex jagħmlu rapport allura dawn ikollhom joqogħdu jsforu fid-dar tagħhom, kwieti fis-skiet tagħhom, allura dawk huma l-aktar dgħajsa u l-aktar nies li għandhom bżonn jieħdu ħsieb.” Kompla jgħid is-Sur Fenech.
Tlett ijiem biss wara li bdiet topera din l-Iskwadra, kien hemm każ li ġie investigat b’suċċess, hekk kif is-Sibt li għadda tressaq il-Qorti raġel akkużat li ffastidja lil martu u lill-kunjati.
Is-Supretendent Fenech jisħaq li l-apprezzament tan-nies niżel tajjeb mal-iskwadra.
Hu qal, “Dak ix-xi ħadd, il-vittma, li jgħidlek isma’ kemm imxejtu tajjeb magħna. Kellna ħafna comments sbieħ u l-aggressuri ġieli wkoll jgħidulna isma’ imnalla kontu intom għax kont fix-xifer jiena, kieku ma ħadtux passi intom kieku jiena forsi issa ma nafx fejn qiegħed.”
Din l-Iskwadra Speċjalizzata għandha tliet spetturi lkoll bit-tim tagħhom, li jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Għaldaqstant l-appell biex min qed isofri, jagħmel kuraġġ u jirrapporta.
“Vittma aktar ma ddum iżżomm ġo fiha, iktar kemm ħa ddum taqla’ ġo fiha, iktar qiegħda tbati, l-aggressjoni togħla u dan jista’ jwassal għal inċidenti xejn sbieħ bħalma sfortunatament ġieli kellna u dawk naħseb li ħadd ma jridhom allura naħseb jiena l-aħjar ħaġa, jekk hemm xi ħadd hemm barra li għaddej minn xi mument diffiċli minħabba dil-vjolenza, għandu jagħmel qalb, jagħmel kuraġġ, iċempel jew jiġi għandna, ħa ngħinuh żgur.” Temm jgħid is-Supretendent Fenech.