Il-gazzetta KullĦadd żvelat kif s’issa mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol, id-DIER daħlu sittax-il applikazzjoni biex temping agencies, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna, ikunu liċenzjati.
Ġie rrapportat kif il-proċess fit-twettiq tal-liġi li tirregola dawn l-aġenziji għaddej b’ritmu tajjeb ħafna. Intqal kif dawn is-sittax-il aġenzija jinsabu kollha fi stadju differenti tal-proċess ta’ analiżi min-naħa tad-DIER.
Il-KullĦadd semmiet kif ġew organizzati għexieren ta’ laqgħat individwali ma’ kumpaniji li qed jirrikorru għall-assistenza. Dan apparti li kien f’kuntatt ma’ dawn l-applikanti biex jikkonformaw mal-liġi.
Ġiet organizzata laqgħa ta’ informazzjoni, li preżenti għaliha kien hemm il-massimu ta’ attendenza u mhux eskluż li jiġu organizzati oħrajn fil-futur.
Ir-regolazzjonijiet jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April, imma ser ikun hemm xahrejn li fihom temping agencies jistgħu jikkonformaw mar-regolazzjonijiet. Dawn ix-xahrejn se jintużaw bħala perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-liġi l-ġdida ser tibda tiġi infurzata minn Ġunju ta’ din is-sena.