Fl-2017, kien hemm total ta’ kważi 911,000 self ta’ kotba mil-libreriji. Dan ifisser żieda ta’ 66, 378, jew 7.9% fuq is-sena ta’ qabel. Ix-xiri u d-donazzjonijiet ta’ kotba lil libreriji pubbliċi żdied b’6.1%, u 1.1% rispettivament.
Kemm l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni ta’ materjal ta’ kotba stampati naqas tul l-elfejn u sbatax meta mqabbel mal-elfejn u sittax.
Dan irrizulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li uriet kif l-akbar zidiet sinifikanti fis-self tal-kotba kien irreġistrat fil-libreriji pubbliċi taż-Żejtun, il-Qrendi, Marsaxlokk, il-Gudja u l-Imqabba. Dawn irreġistraw żiediet ta’ aktar minn 20%.
Dan filwaqt li l-libreriji fiż-Żurrieq u Birżebbuġia rrapurtaw l-akbar tnaqqis fis-self ta’ kotba.
Fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta kien hemm ukoll żidiet, bl-akbar ikunu fil-Għargħur u l-Mosta li fit-tnejn li huma, s-self ta’ kotba qabeż it-30%. Fid-distrett tat-Tramuntana tal-pajjiż, l-uniku tnaqqis fis-self kien irreġistrat fl-Imġarr.