Bouncer ta’ stabiliment f’Paceville mill-Bosnia ġie akkużat li kkaġuna ferita ta’ natura gravi fuq Paul Forderreuther nhar it-22 t’Awissu għall-ħabta tal-04.00. Savo Bogicevic qed jiġi akkużat ukoll li offra s-servizzi tiegħu bħala gwardjan privat mingħajr ma kellu l-liċenzji meħtieġa. L-ispettur anzjan Trevor Micallef spjega kif kien il-vittma prinċipali tal-inċident li hekk kif ħareġ mill-isptar mar dritt għand il-pulizija b’ritratt tal-aggressur tiegħu. Fil-qorti l-vittma Paul Forderreuther spjega kif għaraf l-aggressur tiegħu waqt li kien qed jara il-profil ta’ facebook tal-istabiliment li kien fih dak il-lejl. Il-vittma u ħabib Spanjol tiegħu li kien miegħu spjegaw fil-qorti kif għall-ewwel kien l-akkużat li keċċiehom mill-istabiliment b’mod ġentili biex ftit tas-sekondi wara ftit metri l-isfel mill-istabiliment l-akkużat allegatament ta daqqa ta’ponn lil Paul. Il-vittma tħalliet parzjalment għamja mill-għajn ix-xellugija kawża tad-daqqa u kellu jixhed b’urġenza hekk kif se jħalli pajjiżna biex ikun operat b’emerġenza fil-Ġermanja. Dan filwaqt li ftit tal-ħin wara x-xhieda allegaw li ħarġu ħamsa minn nies mill-istabiliment biex filwaqt li wieħed sawwat lil vittma b’oġġett tal-ħadid l-oħrajn dahru lil sieħbu.
Il-Qorti rat kif ladarba l-każ għadu mhux mitmum l-akkużat jibqa’ preżunt innoċenti u għalhekk hija tat il-ħelsien mill-arrest sakemm jitlestew il-proċeduri kontrieħ. Dan bil-kundizzjoni li jiffirma fl-għassa ta’ tas-Sliema kuljum u ma jersaqx lejn san Ġiljan u Paceville. Huwa kien mitlub iħallas ħames mitt ewro u garanzija personali t’għaxart elef ewro. Il-każ mistenni jkompli jinstema’ nhar it-tlieta ta’ Ottubru. co