Kompliet il-kumpilazzjoni mill-Qorti kontra Roderick Cassar, li huwa mixli bil-qtil ta’ martu, Bernice Cassar.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehed l-Ispettur Paul Camilleri, li spjega kif dakinhar tad-delitt, il-Pulizija daħlulha numru ta’ telefonati dwar dak li kien qed iseħħ fuq il-post tal-qtil f’Kordin, u wara li daħlitilhom l-informazzjoni li kienet qed tintuża arma, ġew infurmati r-Rapid Intervention Unit bil-każ, u dawn waslu fuq il-post qabel il-Pulizija.
Huwa kompla billi ddeskriva x-xena tad-delitt, fejn qal li meta waslu l-Pulizija fuq il-post, il-katavru ta’ Bernice Cassar kien mgħotti b’liżar, u dak il-ħin kien għadu ħiereġ id-demm mill-katavru.
Hawn, waslitlu informazzjoni li r-raġel tal-vittma seta’ kien wara l-qtil, u li dan jista’ jkun kien mar lura f’daru fil-Qrendi. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post instabet il-vettura ta’ Roderick Cassar, u kien hemm xi għidut li kien hemm riħa ta’ gass fiż-żona. Għalhekk, il-Pulizija sejħet għall-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili.
Intqal ukoll kif meta l-Pulizija daħlu għal Cassar, huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza minħabba li filgħodu kienu nstemgħu li seħħet sparatura, u mill-isptar ittieħed il-lock up.
L-Ispettur Camilleri tkellem ukoll dwar l-istqarrijiet tal-akkużat. Skont hu, meta l-Pulizija wrewh ritratti ta’ wliedu, Cassar kien emozzjonat, iżda meta ra ritratti tal-vittma ħajja u mejta, huwa ma kellux emozzjonijiet.
Fil-fatt, ġie spjegat kif l-imputat ma rrisponda għal ebda domanda ħlief waħda, hekk kif stqarr li huwa jiddispjaċih għal li ġara lil martu.
Fis-seduta tal-lum xehed ukoll ħu l-imputat. Il-Maġistrat spjegalu kif skont il-liġi, huwa għandu dritt li ma jixhidx kontra ħuħ. Għal dan, huwa wieġeb li lest li jixhed dwar iċ-ċwievet li kien ta lill-Pulizija biex jiftħu l-bieb, iżda fuq affarjiet oħra, xtaq ikellem avukat.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tkompli għada