Waqt laqgħa bejn membri tal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun u l-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Ġappuniż Yoichi Fukazawa, iż-żewġt naħat iddiskutew ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.
Din il-laqgħa saret fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Ambaxxata Ġappuniża f’pajjiżna.
Anki jekk iż-żewġ pajjiżi huma ġeografikament ’il bogħod minn xulxin, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun imorru lura 59 sena.
F’din il-laqgħa ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod partikoalri għas-settur tas-sajd u l-esportazzjoni tat-tonn minn Malta lejn il-Ġappun.
Id-deputati Maltin qasmu ideat dwar kif ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun jistgħu jitjiebu f’oqsma bħal qalba diġitali b’referenza għall-intelligenza artifiċjali, speċjalizzazzjoni fl-industrija tal-manifattura, programmi ta’ skambju u proġetti fil-qasam tas-saħħa u aktar kollaborazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni b’mod partikolari fil-qasam tal-psikoloġija.
Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-Kap tal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija Malta-Ġappun, Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mad-deputati Jo Etienne Abela u Katya De Giovanni f’isem il-Gvern u Jerome Caruana Cilia u Stanley Zammit f’isem l-Oppożizzjoni.