Għar-raba’ sena konsekuttiva, il-Malta Model United Nations Society qiegħda torganizza l-konferenza annwali tagħha bejn l-14 u s-16 ta’ Settembru, 2018. It-tema magħżula għal din is-sena, Universal Deceit: Control Alt Delete, tikkonċerna numru ta’ suġġetti ta’ importanza fid-dinja tal-lum, bħalm’huma is-sigurta tal-informazzjoni fuq l-internet, il-privatezza, u dak li qiegħed jissejjaħ fake news. Din il-konferenza tilqa’ numru ta’ parteċipanti minn Malta stess, iżda wkoll minn numru ta’ pajjiżi kemm Ewropej, kif ukoll barra mill-kontinent.
Il-kunċett ta’ Model United Nations jikkonsisti f’simulazzjoni realistika ta’ kumitati tal-Ġnus Magħquda. Parteċipanti, li jissejħu delegates, ikollhom l-opportunita jirrapreżentaw pajjiżi u jiddiskutu suġġetti speċifiċi, skont il-kumitat tagħhom, u jikkollaboraw sabiex jilħqu kompromess ma’ pajjiżi oħra sabiex fl-aħħar tal-konferenza, joħorġu reżoluzzjonijiet flimkien.
Il-konferenza tiftaħ b’ċerimonja ġewwa l-Ambaxxata Amerikana f’Ta’ Qali, waqt li l-kumitati ser jiġu simulati ġewwa l-Belt Valletta. Il-konferenza, imqassma fuq tlett ijiem, tinkludi anke social nights, fejn il-parteċipanti jistgħu jitħalltu f’ambejnt iktar rilassanti u jsiru jafu lil xulxin aħjar. Fl-għeluq tal-konferenza, is-Soċjeta tittama illi l-parteċipanti jkunu imxew ‘il quddiem fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom fl-indirzz pubbliku, kif ukoll tal-ħiliet tan-negozjar u riċerka.
Aktar informazzjoni tinsab fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Soċjeta, u l-applikazzjonijiet għall-konferenza jistgħu jinsabu hawn: https://www.maltmun.org.mt/maltmun-2018/applications/