Il-membru parlamentari indipendenti Marlene Farrugia esprimiet l-opinjoni fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li jekk fuq il-bini tal-parlament kellha titpoġġa l-arma ta’ Malta, hija tippreferi dik tal-palm tal-bajtar għax “tmur aktar mal-arkitettura moderna”.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kien qed jieħu r-reazzjoni tal-membri tal-kumitat wara li qassmilhom ittra mibgħuta minn ċittadin biex fuq xi waħda miż-żewġ faċċati tal-parlament titpoġġa l-arma ta’ Malta.
Bid-daħka, l-Ispeaker issuġġerilha “nagħmluhom it-tnejn” u hija dlonk weġbitu li “it-tnejn sbieħ”.
Dr Mario de Marco qal li hemm il-bandiera ta’ Malta u ġewwa hemm l-arma ta’ Malta f’diversi postijiet u jimmaġina li l-Perit Renzo Piano ħa kollox in konsiderazzjoni biex ma għamilhiex.