• Użaw l-inċident bil-Quran f’Mater Dei biex jibdew kampanja fuq hekk
Qed tikber il-pressjoni fil-Partit Nazzjonalista biex jekk ikunu fil-Gvern ireġġgħu l-arlogġġ lura dwar il-vilifikazzjoni u l-liġi marbuta maċ-ċensura.
Tant li l-Whip tal-Grupp Parlamentari, David Agius, m’eskludix dan meta kien qed jieħu sehem fi programm fuq Radio 101 is-Sibt li għadda.
Agius huwa wieħed mill-iktar persuni qrib Simon Busuttil fil-Partit Nazzjonalista u sorsi mill-Partit Nazzjonalista fissru kif, jekk din qiegħed jgħidha Agius, Busuttil żgur mhux jeskludiha “għax dawn biċċa waħda”.
Il-pressjoni biex din tkun fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li jmiss qed issir internament minn deputati bħal Jason Azzopardi u Carmelo Mifsud Bonnici. B’Azzopardi juża d-dak li seħħ bil-Quran f’Mater Dei biex jagħmel il-punt tiegħu ma’ Newsbook u Mifsud Bonnici kiteb fil-Mument tal-Ħadd li għadda. Iżda aktar minn hekk hemm pressjoni minn partitarji. Dawn saħansitra użaw il-programmi fuq ir-radju biex jagħmlu l-ħsieb tagħhom ċar.
F’iktar minn programm wieħed fl-aħħar jiem saru appelli f’dan is-sens għax, ladarba tkellmet l-ewwel waħda, tħajru oħrajn li bdew iċemplu u jaqblu magħha. Il-bidla f’din il-liġi għaddiet fl-aħħar ġimgħat bħala parti minn pakkett ta’ riformi fil-liġi taċ-ċensura. Riformi li taw iktar libertà lill-artist u li aġġornaw lil pajjiżna għaż-żmijiet tal-lum.
Fil-fatt, ir-riforma telimina l-vilifikazzjoni tar-reliġjon minn att kriminali.Dan ifisser li jekk, pereżempju, wieħed jilbes kostum ta’ qassis fil-karnival, ma jkun qed jikser l-ebda liġi; xi ħaġa li rajna ftit tas-snin ilu fil-Karnival ta’ Għawdex.
Madankollu, jibqa’ reat kriminali li tqanqal il-mibegħda jew tinstiga l-vjolenza fuq bażi ta’ reliġjon, orjentazzjoni sesswali u razza.
Fil-fatt huwa ċar li dak li seħħ f’Mater Dei bil-Quran jista’ jkun penalizzat b’din il-liġi. Anke jekk il-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil ħa l-okkażjoni u uża dan l-inċident biex jattakka l-istess liġi.
B’reazzjoni għal dan il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li bl-emendi li saru l-kritika u s-satira huma permessi fil-limiti tal-istat demokratiku, imma kull reliġjon jibqa’protett kontra l-mibgħeda; il-liġi relattiva ġiet saħansitra msaħħa minn dan il-Gvern bis-saħħa tal-istess emendi.
“Fil-fatt, jekk wieħed jinsulenta r-reliġjon b’mod li Qorti tqis li juri ħsieb li jqanqal mibgħeda jew vjolenza abbażi tar-reliġjon, allura jkun twettaq reat serju ħafna, indipendentament minn xi jkun ir-reliġjon. Wieħed jistenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jippolitiċizzax kwistjoni serja bħal din u jippronunzja ruħu korrettament,” qal il-Ministeru.
Iżda, Busuttil għaġġel iktar minn hekk għax ried jibgħat messaġġ lill-partitarji tiegħu li l-appelli biex ireġġgħu l-arloġġ lura fuq il-liġi taċ-ċensura mhux se jaqgħu fuq widnejn torox.