Id-deputat Nazzjonalista Chris Said spiċċa jiddetta lil kandidat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg x’ser jgħid dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fuqha tkellmu dwar Għawdex, Chris Said reħielha għal darba oħra jtenni li jrid referendum dwar il-mina.
Dan għalkemm il-Grupp parlamentari Nazzjonalista kien diġà vvota favur il-proġett fil-Parlament.
Għalhekk il-Ġurnalist ta’ ONE News staqsa lill-kandidat il-ġdid Alex Borg x’inhi l-opinjoni personali tiegħu dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Meta kien mistoqsi: “Jekk tippermettuli għandi mistoqsija għall-kandidat Nazzjonalista l-ġdid, Alex Borg, personalment inti taqbel mal-mina bejn Malta u Għawdex?”
Iżda sakemm id-deputat Joe Ellis kien qed iwieġeb mistoqsija oħra tal-ġurnalisti, Chris Said beda jaħseb kif ser jirnexxielu jagħmel ċert li l-kandidat il-ġdid iżomm mal-linja li jrid hu.
Mingħalih moħbi minn għajnejn il-ġurnalisti u l-pubbliku huwa beda jikteb fuq karta dik li kellha tkun ir-risposta ta’ Alex Borg għall-mistoqsija dwar il-mina.
Bil-kamera fuqu huwa deher jgħaddi l-karta bit-tweġiba lil Alex Borg.
Bit-tweġiba miktuba fuq il-karta u b’għajnejn Chris Said iffukati fuqu, il-kandidat Alex Borg bħal donnu marbut ma’ sienja spiċċa jdur ukoll fl-inkonsistenzi tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mina u żamm mal-verżjoni ta’ Chris Said.
Borg stqarr: “Jiena favur il-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista u jiena favur ukoll li għandu jikkonsulta lil poplu Għawdxi permezz ta’ referendum.”
Din mhux l-ewwel darba li d-deputat Nazzjonalista Chris Said ma ħalliex lill-kandidati fil-libertà li jitkellmu meta ġurnalisti jindirizzawlhom mistoqsija.
Fil-fatt huwa għamel l-istess mal-kandidata Josephine Xuereb f’konferenza oħra ftit tal-ġimgħat ilu.
Dakinhar ma kellux iċ-ċans li jgħaddilha karta biex jiddettalha kif għandha twieġeb u għalhekk bl-iskuża li l-mistoqsija kienet waħda teknika, qal li kien ser iweġibha hu minflokha.
Meta konna staqsejna: “Għandi mistoqsija għas-sinjura Josephine Xuereb. Sinjura Xuereb innutajna inkonsistenzi u żbalji fiċ-ċifri tal-Partit Nazzjonalista dwar il-qasam tax-xogħol. Għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni?”
Chris Said weġibna: “Samuel, peress li din hija mistoqsija teknika ħafna ser nirrispondik jien, għaliex ikkwotajt ħafna ċifri u allura tajjeb li nirrispondik b’mod dirett jien.”