F’ittra li bagħtu lill-Ispeaker tal-Parlament, id-deputati tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeploraw l-atteġġjament partiġġjan min-naħa tal-membri tal-Oppożizzjoni fl-istess Kumitat u ċaħdu bl-aktar mod kategoriku li, direttament jew indirettament, xekklu jew qed ixekklu lill-Kumitat milli jiltaqa’ u jwettaq xogħlu.
Fl-ittra, li ġiet ippubblikata fl-intier tagħha mill-Partit Laburista, il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għamlu referenza għal stqarrija li ħarġu l-membri tal-Oppożizzjoni fl-istess Kumitat dwar il-ħidma tal-Kumitat, bit-titlu “Il-Gvern ikompli jaħrab mill-Kumitat għall-istandards fil-Ħajja Pubblika”.
Id-deputati tal-Gvern kitbu lill-Ispeaker li l-kortesija parlamentari kienet titlob approċċ iktar rispettuż minn stqarrija politika u mingħajr sustanza.
Id-deputati nnotaw ukoll l-atteġġjament kontradittorju tal-Oppożizzjoni, li fil-Parlament opponiet liġi mressqa mill-Gvern sabiex tipprovdi mekkaniżmu ta’ żblokk fuq il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, proprju bil-għan li dan l-Uffiċċju daqstant importanti ma jibqax vakat minħabba l-attitudni kapriċċjuża tal-Oppożizzjoni.
Huma nnutaw ukoll li l-Kumitat u l-membri kollha tiegħu ltaqgħu l-Erbgħa 19 ta’ April 2023, meta fil-preżenza tal-Ispeaker u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddiskutew ma’ rappreżentanti tal-OSCE proposti li saru u qed isiru kemm dwar l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll dwar l-istess Kumitat parlamentari.
Il-Ministru Attard u s-Segretarju Parlamentari Ellul affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jaraw li kemm l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandrs fil-Ħajja Pubbika kif ukoll l-istess Kumitat Parlamentari jiżvolġu l-ħidma tagħhom. F’dan ir-rigward, qalu li tajjeb li kull komunikazzjoni u proposta ta’ data u ħin tal-laqgħat ikunu koordinati b’mezzi uffiċjali.