F’konferenza li fiha l-Partit Nazzjonalista nieda l-kampanja dwar il-bidla, is-Segretarju Ġenerali tal-istess partit, Michael Piccinino kkonferma li l-Partit Nazzjonalista mhux ser jinbidel.
Dan meta mistoqsi dwar ir-rabtiet li l-istess partit għandu mal-għaqdiet Repubblika, Occupy Justice u Manuel Delia.
Piccinino ddefenda lid-Deputati Nazzjonalisti li jagħżlu li jmorru dawn l-attivitajiet.
ONE News staqsa dwar dawk li qed jopponu l-qrubija tal-Partit Nazzjonalista mal-għaqdiet imsemmija, fosthom l-eks Kap Adrian Delia u l-kandidat Għawdxi Alex Borg, li spiċċa mgħajjar faxxist minn ħu Karol Aquilina.
Quddiem dan kollu, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, li wkoll kien preżenti għall-aħħar protesta li l-għaqdiet qrib tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil għamlu fi pjazza Kastilja, iddefenda l-qrubija tal-Partit Nazzjonalista, ma’ Repubblika, Occupy Justice u Manuel Delia.
Huwa qal, “Fejn ikun hemm affarijiet li jorganizzaw entitajiet terzi illi l-Partit Nazzjonalista u nies fil-Partit Nazzjonalista jħossu li jaqblu u li għandhom jattendu l-Partit Nazzjonalista ovvjament ma jidħolx f’dan.”
ONE News kien irrapporta kif sorsi qalulna li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech uża l-preżenza ta’ Michael Piccinino u Peter Agius, żewġ magħżula tiegħu fl-istrutturi tal-Partit bħala sinjal ċar li jrid isostni il-qrubija bejn l-għaqdiet tal-fazzjoni Busuttil u l-Partit Nazzjonalista.
Fost id-deputati tal-Partit Nazzjonalista preżenti għall-aħħar protesta kien hemm Jason Azzopardi, li kif wasal fi pjazza Kastilja deher jitkellem u jiċċaċra mal-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina u ma’ Manuel Delia.
Imqabbda ma’ djul Jason Azzopardi kien hemm ukoll id-Deputati Nazzjonalisti David Thake, Karl Gouder u Robert Cutajar.
Dan filwaqt li jisimgħu għad-diskorsi ta’ Manuel Delia u ta’ Robert Aquilina b’devozzjoni kien hemm ukoll Karol Aquilina, Claudette Buttigieg, Beppe Fenech Adami u Therese Comodini Cachia.
Id-deputati dehru saħansitra jdaħħlu idejhom fil-but biex jiffinanzjaw lil dawn l-għaqdiet.
Kien hemm preżenti wkoll l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola li hija meqjusa li għandha ċertu awtorità mal-establishment Nazzjonalista.