Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel diskors ta’ ftit iktar minn sagħtejn li fih reġa’ ddeskriva l-baġit għas-sena d-dieħla bħala wieħed kożmetiku.
Kien diskors li kompla fuq dak li Simon Busuttil qal fl-aħħar ġimgħat, fost oħrajn f’Każini Nazzjonalisti, fejn kien kritiku tal-maġġoranza ta’ miżuri li ħa l-gvern immexxi minn Joseph Muscat. Iżda, fl-istess ħin spikkat id-difiża lill-Viċi-Kap tiegħu Beppe Fenech Adami li ismu feġġ f’każ ta’ ħasil ta’ flus.
“Dawn l-allegazzjonijiet Beppe Fenech Adami ċaħadhom kategorikament. Huma allegazzjonijiet li ndaħal fix-xogħol tal-pulizija,” qal Simon Busuttil li qal li hija kumbinazzjoni kbira li l-istorja ħarġet issa. Dan anke jekk l-istorja kitibha ġurnalist barrani f’midja indipnendenti u l-fatti li ħarġu sejħilhom intimidazzjoni. “Aħna ma nibżgħux mill-intimidazzjoni,” qal Simon Busuttil.
Għal darb oħra tkellem kontra l-proġett tal-enerġija li se jwassal għal arja iktar nadifa u baqa’ jinsisti li l-power station tal-BWSC, li taħdem bil-Heavy Fuel Oil, hija l-aqwa waħda. Saħansitra qal li l-vapur li jaħdem bil-gass jitfgħu ‘l barra mill-port. Bl-istess mod tkellem kontra l-proġett fil-qasam tas-saħħa bi sħab mas-settur privat li se jagħti ħajja ġdida lill-isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan filwaqt li s-servizz tas-saħħa jibqa’ b’xejn.
Għal darb oħra baqa’ l-uniku vuċi li tgħid li l-baġit li ressaq il-gvern mhuwiex wieħed soċjali. “Dan il-baġit falla t-test tal-Caritas,” qal Simon Busuttil dwar baġit li skont id-direttur ġenerali tal-Caritas jisma’ żgħir. Wara iktar minn mija u għoxrin minuta ta’ negattiviżmu Busuttil qal li hu jwiegħed gvern li wieħed jista’ jafdah.