Id-dokumentarju Elton John: Never Too Late jitratta r-ritorn tal-kantant prolifiku Elton John fid-Dodgers Stadium f’Los Angeles, 47 sena wara li kien ta esebizzjoni quddiem 110,000 ruħ.
Dan id-dokumentarju dirett mir-raġel ta’ Elton John, David Furnish ġie muri għall-ewwel darba f’Londra waqt il-London Film Festival fejn il-kritika ma kinitx kollha pożittiva.
Filwaqt li kien hemm min qal li r-Re tal-Pop oriġinali kien ħaqqu dan it-tip ta’ dokumentarju, oħrajn irrimarkaw li dan il-ġenju mużikali kien jimmeritah aħjar.
Il-filmati tat-tour huma mżewqa b’materjal mill-arkivji li jiffokaw fuq il-popolarità ta’ Sir Elton John fil-bidu tal-karriera tiegħu partikolarment fis-snin sebgħin.
David Furnish flimkien ma Sir Elton John kienu fost il-mistiedna li attendew il-premier fir-Royal Festival Hall il-Ħamis filgħaxija.
Fl-2019 kien ħareġ ukoll il-film biografiku Rocketman, b’Taron Egerton fil-parti ta’ Sir Elton. Id-dokumentarju l-ġdid huwa produzzjoni tar-raġel u meniġer ta’ Elton John, David Furnish li jidderiġieh ukoll flimkien ma’ RJ Cutler. Dan jiffoka fuq il-kunċert ta’ Elton John fid-Dodger Stadium fl-2022, post li hu kien kanta fih għall-ewwel darba fl-1975. Bl-istejdjum bħala bażi,yl-istorja tal-film talterna bejn il-preżent u l-passat sabiex jesplora t-tibdil matul is-snin ta’ Elton John u s-soċjetà madwaru. L-aktar differenza evidenti hija l-attitudni rigward l-omosesswalità. Fl-1976 f’intervista ma’ Rolling Stone huwa kien iddikjara li hu bisesswali u fil-film nisimgħuh jgħid li din l-istqarrija kienet għamlet ħsara lill-karriera tiegħu. Iżda llum huwa wieħed mill-miljuni ta’ persuni omosesswali madwar id-dinja bi dritt li jiżżewġu u jifformaw familja.
F’dan il-film, li se joħroġ għall-pubbliku x-xahar id-dieħel, Sir Elton John lanqas joqgħod lura milli jitkellem dwar il-problemi tiegħu mal-abbuż tad-drogi.
Għalkemm uffiċjalment Sir Elton John irtira mit-tours tal-mużika, huwa qal li ma jeskludiex il-fatt li jista’ jkun jieħu sehem f’xi kunċert live fil-futur.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, huwa rċieva l-premju Legacy waqt l-Attitude Awards li hija brand iddedikata lejn il-komunità LGBT. Dan il-premju kien ippreżentat lilu minn Ed Sheeran biex sar it-tieni persuna li rċieva dan l-unur wara li d-Duka ta’ Sussex fl-2017 kien irċivieh f’isem ommu Diana, l-Prinċipessa ta’ Wales.
L-appuntament li jmiss għal dan il-kantant mistenni jkun fil-West End Londra għall-ftuħ tal-musical The Devil Wears Prada li tiegħu kkompona l-mużika.