Project Green issottomettiet il-pjanijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar wara konsultazzjoni mar-residenti, biex issir it-trasformazzjoni taċ-ċentru ta’ San Ġwann, b’ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni jieħdu post triq arterjali traffikuża.
Dan il-proġett se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja lil madwar 6,000 familja f’din il-lokalità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul.
B’din it-t-trasformazzjoni estensiva, Project Green qed tipproponi li Vjal ir-Rihan, triq arterjali f’San Ġwann u parkeġġ tal-karozzi biswit din it-triq, tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 7,200 metru kwadru għall-komunità.
Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà sostenibbli tal-lokalità, billi jtejjeb l-infrastruttura ta’ din it-triq arterjali traffikuża u jintroduċi żoni pedonali u korsiji ddedikati għar-roti. Il-parkeġġ il-ġdid taħt l-art se jirdoppja l-ammont ta’ parkeġġ attwali fil-livell tat-triq, biex tiġi żgurata aktar aċċessibbiltà.
Dan il-proġett se jikkonsisti ukoll fi ġnien akwatiku, bandli, teatru miftuħ, żona komunitarja u żoni rikreattivi oħra, mdawwrin b’aktar minn 350 siġra ġdida addizzjonali.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li permezz ta’ dan il-proġett il-Gvern qed jiddefenixxi mill-ġdid il-pajsaġġi urbani tagħna, filwaqt li qed jinħoloq ambjent aktar ekoloġiku, aktar aċċessibbli u rikreattiv għall-ġenerazzjonijiet t’issa u dawk futuri.
Il-Ministru Miriam Dalli żiedet tgħid li dan il-park ġdid quddiem il-knisja parrokkjali, l-iskola u żoni oħra importanti tal-komunità, se jsir l-akbar spazju aħdar fiż-żona urbana ta’ San Ġwann.
“Waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern kif anke għidna fil-Manifest Elettorali kienet li noħolqu kemm jista’ jkun spazji miftuħa, spazji ħodor fil-lokalitajiet tagħna u nieħu gost nara li s-issa diġà, mill-bidu tas-sena sa’ llum kellna mal-45,000 metru kwadru ta’ spazji ħodor, spazji riġenerati li qed jingħataw lura lin-nies.”
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul esprima l-entużjażmu tiegħu għal dan il-proġett trasformattiv, u qal, li dan l-ispazju miftuħ se jkun qed iservi bħala pulmun aħdar u huwa aċċessibli
“Il-ħsieb wara dan kollu huwa li inti fejn inti f’dan il-pajjiż ikollok spazju miftuħ f’inqas minn 10 minuti mixi fejn inti fil-fatt ġewwa San Ġwann se jkunu 13,000 ruħ li se jkunu qed jibbenefikaw jew 90% tal-popolazzjoni ta’ San Ġwann se tkun qed tibbenefika minn dan l-ispazju miftuħ propju fil-qalba tal-komunitá.”