Raġel ta’ 31 sena minn Bormla weġġa’ gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ tliet sulari fl-Imrieħel.
Ir-raġel kien qed jagħmel xogħol ta’ membrane fuq il-bejt ta’ residenza li tinsab fi Triq in-Negozju.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ dalgħodu.
Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li ħa lir-raġel l-isptar Mater Dei.
Min-naħa tagħha, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, qalet li qed tinvestiga dan il-każ.
Il-kundizzjoni tal-ħaddiem għadha mhux magħrufa.