Kollettur tal-iskart domestiku ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li seraq alkoħol u umbrellel minn kiosk u żewġ stabbilimenti fil-Belt Valletta.
Jason Joseph Galea, ta’ 42 sena mill-Belt Valletta, deher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja mixli b’diversi serqiet b’valur totali ta’ madwar €1,600 relatati mal-perjodu bejn it-3 ta’ Ġunju u t-18 t’ Awwissu.
Galea kien qal lill-Pulizija li huwa wettaq dawn ir-reati sabiex jiffinanzja l-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ġie identifikat mill-filmati tas-sigurta’ u oggezzjonat għar-rilaxx minħabba li dan jista’ javviċina lill-propretarji tal-ħanut.
Il-Qort laqgħet it-talba tad-difiża u tat il-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-Għassa kuljum, ma javviċinax lix-xhieda u li ta’ kuljum ikun lura d-dar fil-ħinijiet indikata lilu mill-Qorti.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €9,200.