Yorgen Fenech qatt ma semmieli dan id-delitt u jien qatt ma tajt informazzjoni lil Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xehed dan bil-ġurament Keith Schembri hekk kif it-Tnejn filgħodu xehed fil-kumpilazzjoni tan-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Keith Schembri beda biex tkellem dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Fenech li tmur lura fiż-żmien, minn meta kienu tfal.
“Jien għal Yorgen vera kont nidħol fin-nar, bħal ma nagħmel għal kull ħabib tiegħi, imma fuq dan il-każ qatt ma kellimtu” xehed Schembri.
Fost l-oħrajn huwa ċaħad li qatt kellem lill-Imħallef Mizzi sabiex jagħti l-ħelsien mill-arrest lill-aħwa Degiorgio, kif allega l-middleman Melvin Theuma.
Dwar il-ġurnata ta’ qtil, Keith Schembri rrakkonta li kien ħdejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Kap tal-komunikazzjoni tal-gvern Kurt Farrugia. Qal li f’daqqa waħda informazzjoni mingħand l-eks kap eżekuttiv tal-isptar Mater Dei Ivan Falzon kienet tgħid li seħħet splużjoni Burmarrad. Ftit wara reġa’ ċempel Falzon u qalhom li l-isplużjoni seħħet il-Bidnija u ftit minuti wara ngħataw l-informazzjoni li l-vittma kienet Caruana Galizia.
Dak il-ħin stess minkejja li kulħadd kien taħt xokk, Schembri xehed li fil-preżenza ta’ Joseph Muscat u Kurt Farrugia beda bil-kuntatti sabiex l-FBI jiġu hawn Malta u jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom.
Irrakkonta kif minn dak il-mument il-pulizija bdew bl-istħarriġ tagħhom u ġieli kienu jkellmuh sabiex jorganizza laqgħat sabiex jinfurmaw lil Joseph Muscat dwar l-investigazzjonijiet tal-pulizija.
“Joseph Muscat ried li ssir ġustizzja, kien jgħidilna, I don’t want to leave any stone unturned” xehed Keith Schembri, li qal li ġieli kien ikun f’dawn il-laqgħat imma ma kienx jingħata l-informazzjoni kollha.
Keith Schembri xehed li jumejn qabel ġew arrestati Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat, kienet saret laqgħa f’Kastilja fejn ingħataw dettalji dwar kif se jsir l-arrest.
Qal li għal din il-laqgħa kien hemm hu, l-eks Prim Ministru, l-eks Kummissarju tal-Pulizija, l-Ispettur Arnaud, il-Brigadier Jeffrey Curmi u d-deputat kap kmandant Mark Mallia u Kurt Farrugia.
Wara din il-laqgħa sar jaf li kien hemm il-Malta Today li kellhom informazzjoni li se jsir ir-rejd ta’ Degiorgio, għax Saviour Balzan qal lil Schembri li seta qallu li se jsir dan ir-rejd.
Bil-ġurament Keith Schembri xehed li hu qatt ma ta informazzjoni lil Fenech u qatt ma talbu informazzjoni dwar il-qtil.
Keith Schembri xehed li lejliet l-arrest, Fenech bagħtlu li kien hemm tat-Times warajh u saqsih hux qed jitqies suspettat u hu wieġbu li le.
Qal li kien fid-dsatax ta’ Novembru, li l-ewwel darba li tkellem miegħu fuq il-qtil.
Irrakkonta kif meta ġie arrestat Melvin Theuma, ċempilu Joseph Muscat u qallu żomm lil Yorgen Fenech Malta għax daħlet informazzjoni li se jaħrab.
“Għamilt erbgħa u għoxrin minuta nkellmu u qalli li jrid jitlaq l-Italja minħabba xi affarijiet tad-dgħajsa. Imma jien bqajt ngħidlu titlaqx mill-pajjiż. Ipprova titlaqx ghidtlu għax dan mhux il-mument”, spjega Schembri li qal li l-akkużat saqsih jekk ingħatatx il-proklama lil Theuma u Schembri wieġeb li le.
Keith Schembri qal li xahar jew xahrejn qabel kien ġie infurmat li Fenech huwa meqjus bħala wieħed mis-suspettati.
Dwar it-tabib Adrian Vella qal li dan huwa t-tabib tal-familja u kien ġie rrakkomandat lilu mill-familja Tumas. Keith Schembri qal li huwa qatt ma ta dokument jew ittri lit-tabib Vella biex jagħtihom lil Yorgen Fenech meta kien taħt il-kustodja tal-pulizija.
Dwar il-kumpanija 17 Black li hija ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri qal li qabel ma daħal fil-politika kellu flus il-Bank of Valletta, iżda sar jaf li dettalji dwar il-kontijiet bankarji ġew illeakjati. Huwa ingħata l-parir li la ma jistax jafda fil-banek lokali, jiftaħ t-trust f’New Zealand.
New Zealand qalulu li biex tibda topera trid tiftaħ kumpanija u l-eħfef ġurisdizzjoni kienet fil-Panama.
Dwar li 17 Black ta’ Yorgen Fenech kienet waħda mill-kumpaniji li kien se jkollu transazzjonijiet magħha, Schembri qal li peress li huma kienu ħbieb, xtaq li wara li jispiċċa mill-politika jagħmel negozju ma’ Fenech fuq gaming.
Mistoqsi dwar kif qatt ma fetaħ libell dwar l-allegazzjonijiet marbuta ma’ 17 Black qal li l-proċeduri l-Qorti jdumu wisq u jdum biex isir ġustizzja miegħu.
Intant l-ispettur Keith Arnaud qal li qatt ma kellu l-intenzjoni li Keith Schembri jitla’ jixhed fil-jum tat-Tnejn minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat Rachel Montebello iddikjarat li sa dan l-istadju tal-investigazzjonijiet dwar dan id-delitt, l-prosekuzzjoni ma tistax teskludi li se jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ Keith Schembri u Kenneth Camilleri.
Keith Schembri għażel li jixhed xorta iżda Kenneth Camilleri għażel li ma jixhidx.
Xehed ukoll l-investigattur f’dan il-każ, l-ispettur Kurt Zahra li ta dettalji dwar l-investigazzjonijiet tal-pulizija minn wara d-delitt.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra.