Il-Ministeru għall-Ambjent ċaħad rapport fuq il-mezzi soċjali li ngħatat xi direttiva li jinqabdu qtates minħabba l-open day fl-Għammieri.
Il-ministeru ppreċiża li fid-dawl tal-fatt li kienu qed jidħlu fl-Għammieri xi klieb aktarx tar-razza fox terrier u li kienu qed jagħmlu għall-qtates stray li hemm fl-Għammieri, id-Dipartiment tal-Animal Welfare ġabar dawn il-qtates stray bil-għan li jkunu protetti. Fil-fatt inġabru total ta’ ħames qtates.
Sadanittant, anke minħabba l-kobor tal-Għammieri, il-Ministeru qal li d-dipartiment qed jagħmel ħiltu biex jaqbad ukoll il-klieb li qed jidħlu.
Sostna li jekk dawn jinstabu li huma micro-chipped allura jkun jista’ jiġi identifikat is-sid u l-klieb ikunu ritornati. Qal li fil-każ li ma jkunux micro-chipped dawn jinżammu mid-dipartiment sabiex, wara li jkunu eżaminati u jiġu micro-chipped, ikunu jistgħu jiġu rehomed.
Sadanittant ukoll il-qtates stray li nqabdu mid-dipartiment saritilhom vista medika biex ikun żgurat li saħħithom ma ġietx affettwata.
Il-Ministeru tenna l-impenn tiegħu lejn il-ħarsien tal-annimali kollha u jibqa’ dispost li jiddiskuti ma’ kull min għandu għal qalbu l-annimali sabiex ikompli jtejjeb il-ħidma importanti tad-dipartiment favur l-annimali.