Raġel ta’ 53 sena min-Naxxar li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli li hedded li joqtol lil martu wara li allegatament skopra li kienet qed iżżomm somma kbira ta’ flus id-dar minn wara dahru.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li ftit tal-jiem qabel l-allegat vittma fetħet rapport mal-pulizija kontra żewġha fuq vjolenza domestika wara li allegatament fetħet il-bieb tad-dar wara li kienet ġejja mix-xogħol u qallha li jekk ma ttihx l-erbgħin elf ewro li bdiet iżżomm f’safe fid-dar, kien se joqtolha.
Ġie spjegat ukoll li ftit wara l-imputat ħarab minn fuq il-post u allegatament ċempel lill-kunjatu u qallu li qed jistenna li jisma’ xi ħaġa kbira.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Anne Marie Thake fuq diversi kundizzjonijiet. Ewlenin fosthom li ma jersaqx u ma jikkomunika bl-ebda mod mal-allegat vittma u l-membri tal-familja tagħha.