Il-kantat Damiano mill-grupp rebbieħ tal-Eurovision, Måneskin, ċaħad li hu ħa d-droga meta fix-xandira tal-Eurovision deher qisu jiġbed il-kokaina.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-finali huwa qal li hu ma jieħux droga meta mistoqsi mill-ġurnalist tal-gazzetta Żvediża Aftonbladet.
Intant dan huwa l-filmat fejn allegatament, Damiano jidher jieħu d-droga fil-greenroom tal-Eurovision.
Il-grupp Taljan wera s-sodisfazzjon tiegħu li rebaħ il-vot tal-pubbliku u b’hekk rebaħ il-Eurovision u nnota kif il-ġurija minn kull pajjiż ma tatux biżżejjed punti.
Bil-flixkun tax-xampanja maġenbu, l-grupp Taljan, li wkoll rebaħ Sanremo, kien f’dellirju ta’ ferħ li wara aktar minn tletin sena, l-Italja rebħet il-Eurovision Song Contest.
Il-grupp saħaq li meta tkun inti, ir-riżultat jasal u dik kienet ir-riċetta ta’ Måneskin bil-kanzunetta ‘Zitti E Buoni’.
Mistoqsija dwar il-belt li se tilqa’ l-Eurovision tas-sena d-dieħla, il-grupp qal li ma għandu l-ebda preferenza.
“L-aqwa li se jsir l-Italja wara pandemija”, saħqet Victoria De Angelis, ta’ oriġini Daniża.