Wara r-riżenja tal-Kap Uffiċjal Finanzjarju Peter O’Higgins, Nik Storonsky, il-fundatur u Kap Eżekuttiv tal-app Revolut, ċaħad kategorikament rapporti fil-midja internazzjonali li qed isostnu li l-app ippermettiet il-ħasil tal-flus.
Huwa qal ukoll li r-riżenja tal-kollega tiegħu ma kellha x’taqsam xejn ma’ dawn l-allegazzjonijiet.
Fl-aħħar sigħat il-kumpanija affaċċjat kritika qawwija wara li kien irrapportat li waqqfet is-sistema tal-kontroll li biha tħares u tipprevjeni l-ħasil tal-flus.
Jidher ukoll li Revolut għamlet dan mingħajr ma nformat lill-awtoritajiet kompetenti.
Fi kjarifika il-fundatur qal li dan kollu kien kawża ta’ sistema ġdida li qed tuża l-kumpanija li ma bdietx taħdem sew għaliex ittimbrat trasferimenti ġenwini ta’ flus bħala ‘illegġittimi’.
Minħabba f’hekk, il-kumpanija waqqfet din is-sistema u bdiet tuża s-sistema antika tagħha.
Huwa temm jgħid li dan kollu sar b’konformità mal-liġi.