Il-qawmien ta’ Ġesù Kristu jwassal għall-akbar festa fil-kalendarju Kattoliku.
Għax rebaħ fuq il-mewt, għal dawk devoti dan il-Ħadd huwa jum ta’ ċelebrazzjoni.
Fil-fatt malli jdoqqu t-tokki ta’ nofsillejl u jibda l-jum tal-Għid il-Kbir, id-dinja tixgħel wara jiem ta’ riflessjoni fuq it-tbatija u s-sagrifiċċju.
Mal-erbat irjieħ tad-dinja bosta joħorġu fit-toroq biex jesprimu l-ferħ tagħhom għall-qawmien ta’ Ġesù Kristu u filwaqt li kulħadd jiċċelebra l-istess storja, il-mod ta’ kif dan isir huwa għal kollox differenti.
Meta wieħed iħares lejn pajjiżi oħra Ewropej, bħall-Finlandja, hemm it-traddizjoni tal-ħuġġieġa f’jum l-Għid.
Ħadd il-Għid huwa jum sinifikanti wkoll għaliex jimmarka t-tmiem ta’ erbgħin jum tar-Randan li matulhom ħafna jagħmlu xi sagrifiċċju.
Fil-Polonja, il-familja tingħaqad flimkien għal ikla bnina madwar il-mejda, wara li f’Sibt il-Għid il-Pollakki jieħdu l-ikel tagħhom il-knisja biex jitbierek.
L-aktar sinifikanti fost l-ikel imbierek huwa l-ħobż tipikament Pollakk magħruf bħala babka biex imbagħad jinqasam u jittiekel ma’ tal-familja.
Fl-Ukrajna, minkejja l-gwerra qalila li għaddejja, il-Kattoliċi xorta wrew id-devozzjoni tagħhom lejn din l-akbar festa permezz ta’ vġili fi Kyiv.
L-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna kienet tema diskussa minn bosta mexxejja dinjija fosthom il-familja Rjali, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-Papa Franġisku, huma u jgħaddu l-messaġġi tagħhom f’Jum l-Għid.
F’Ġerusalemm, l-Għid il-Kbir ġie ċċelebrat b’quddiesa pontifikali u purċissjoni solenni.
Għall-kuntrarju, fl-Istati Uniti jispikkaw l-aktar iċ-ċelebrazzjonijiet bil-bajd taċ-ċikkulata mgeżwrin f’ilwien vivaċi, tant li kull sena huwa stmat li jintefqu biljuni ta’ dollaru f’ħelu.