Grupp ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin ħallew Malta biex flimkien ma’ eluf ta’ żgħażagħ oħrajn minn madwar id-dinja jingħaqdu mal-Papa Franġisku fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona, il-Portugall. Il-grupp Malti qed jitmexxa mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ sar l-ewwel darba mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1983 u din is-16-il edizzjoni se ssir bejn l-1 u 6 ta’ Awwissu 2023.
Il-Papa xtaq li t-tema għal din is-sena tkun “Marija qamet u marret tħaffef” biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jimxu fuq l-eżempju ta’ Marija u ma jibżgħux ixandru l-bxara t-tajba.
F’din il-laqgħa internazzjonali għaż-żgħażagħ flimkien mal-Papa tkun iċċelebrata ż-żgħożija u l-fidi tagħhom f’Alla, waqt li jaqsmu l-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni permezz ta’ attivitajiet spiritwali u soċjali li jinkludu ċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-via crucis tradizzjonali, il-velja ta’ bil-lejl u l-quddiesa tal-għeluq.
Tlabna lil waħda mill-570 żagħżugħ u żagħżugħa tgħidilna xi tfisser għaliha din il-mawra f’Lisbona.
Qalet, “L-ewwel nett din hi opportunità unika li tixhed knisja żagħżugħa. Ħafna drabi ż-żgħażagħ ma jitpinġux f’lenti pożittiva immensament, anzi pjuttost negattiv. Din l-esperjenza tixhed li ż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu impatt pożittiv”.
L-Isqof Teuma qalilna li ż-żgħażagħ Maltin li se jgħixu din l-esperjenza se sservihom bħala sinjal ta’ tama għall-Knisja f’Malta. Xtaqnih jgħidilna x’jaħseb dwar Papa Franġisku u s-sehem tiegħu meta wieħed iqis il-qagħda ta’ saħħtu.
Qal, “U hekk se jiġrilu nimmaġina l-Papa Franġisku meta jkun qalb iż-żagħżagħ. L-ispirtu ġovanili, l-ispirtu żagħżugħ diġà qiegħed fih, kulħadd jaf kemm huwa persuna li jaqta’ mill-passat u dejjem jipprova l-ġdid, dejjem jixtieq jirrinova, dejjem jixtieq iġedded. Huwa aspett ġovanili ħafna taż-żgħażagħ li wieħed irid jesperimenta u jagħmel il-ġdid, u jiena nemmen li diġà l-Papa hu mimli b’dan l-ispirtu u se jkompli jimtela aktar meta jkun qalb dawk iż-żgħażagħ kollha mid-dinja.”
Tkellimna ma’ Sister Michaela Paris, li se tkun it-tielet darba tagħha li tieħu sehem fil-Jum Dinji Taż-Żgħażagħ.
Qalet, “Ħassejtha bil-qawwi għax mill-esperjenza li kellu tal-World Youth Days ta’ qabel, kienu vera fenomenali. Esperjenzi li ma tinsihomx, esperjenzi ta’ vibe, buzz kbir u nħoss li nkun hemmhekk biex ningħaqad ma’ dawn iż-żgħażagħ, għalkemm miniex żagħżugħa ,imma meta tkun magħhom issir żagħżugħa.”