Imbeżża’ li se jmut waqt li jkun rieqed, ir-ritratt ta’ tifel minn Texas bl-isem ta’ Drake Medinger mhux wieħed faċli biex tħares lejh iżda juri eżattament ir-realtajiet ta’ minn xiex jgħaddu nies li jkollhom kanċer.
“Dan huwa hu, Drake, Stinky Joe, id-dinja tiegħi,” qalet ommu Jessica Medinger b’sens ta’ mħabba f’messaġġ li qasmet fuq is-sit soċjali Facebook u mar virali.
“Huwa t-tbissima tiegħi, l-imħabba tiegħi, it-taħbita ta’ qalbi. Iżda kif ukoll huwa d-dmugħ tiegħi, u l-uġiegħ ta’ qalb u n-nervi. Huwa ħajti,” kitbet l-omm.
Ir-ritratt juri lit-tifel fi stat vera fraġli quddiem it-tojlit tar-residenza tiegħu b’ħarsa fuq wiċċu li ma għandha bżonn l-ebda kliem.
“Ma juri xejn ħlief il-verità għax il-ħajja mhux dejjem politikament korretta u lanqas hi dejjem sabiħa. Hi reali. Il-ħajja mhix dejjem sabiħa, u l-kanċer jeqirdu lill-bniedem. Dan ir-ritratt juri tifel li jkun irid jorqod ħdejk għax jibża’ li jiġri xi ħaġa tul il-lejl u li se jkun waħdu, u meta ngħid xi ħaġa, qed infisser li jmut. Dan ir-ritratt ifisser konverżazzjonijiet f’nofs ta’ lejl ma’ tifel ta’ għaxar snin, jistaqsi dwar jekk meta jmut hux se jmur il-ġenna ħdejn missieru u jekk hux se jkun jista’ jilgħab miegħu. Dan ir-ritratt ifisser jien u hu, ngħidlu li se nkompli niġġieled f’ismu meta hu ma jistax ikompli jiġġieled,” kompliet tgħid fil-messaġġ tagħha.
Drake ngħata l-aħbar li għandu l-lukimja f’Settembru tal-2012 u minn dakinhar l’hawn għadda minn diversi operazzjonijiet. Iżda meta beda jidher xaqq ta’ dawl, reġgħet faqqat maltempata oħra, u ngħata l-aħbar li għandu kanċer tat-testikoli. Minn hemm kellu jerġa’ jibda l-ġlieda mill-bidu kontra din il-marda qerridija.
Ħamest ijiem wara li ttieħed ir-ritratt, Drake ttieħed l-isptar minħabba li kellu nuqqas ta’ ilma f’ġismu.
Kien il-pubbliku li rrisponda bi ħġaru fejn ħoloq paġna biex jingħataw id-donazzjonijiet sabiex jgħinu lill-membri tal-familja ta’ dan it-tifel, bil-paġna tilħaq diġà s-soma ta’ $47,656. Għal dawk li jixtiequ jgħinu lil Drake u lill-familja tiegħu jistgħu billi jidħlu hawn.