Ċifri mogħtija mill-pulizija juru li mindu daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika f’Mejju tal-2018, il-Pulizija ħarrket 817-il ruħ li aktar minn 560 minnhom kienu rġiel.
Il-liġi l-ġdida wessgħet il-kunċett ta’ vjolenza domestika li llum jinkludi wkoll vjolenza verbali, fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika.
Fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari qalet li l-Gvern saħħaħ il-liġijiet u ħarrax bil-kbir il-pieni kontra dawk li jinstabu ħatja ta’ vjolenza domestiku. Hija stqarret: “Fil-liġi li emendajna biddilna saħansitra d-definizzjoni ta’ vjolenza domestika li qabel lanqas kienet tinkludi forom tipi differenti ta’ vjolenza bħalma huma vjolenza sesswali, psikoloġika u ekonomika. Żidna l-budget pereżempju, l-allokazzjoni lill-kummissjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru vjolenza domestika, biex ikunu jistgħu jagħmlu iżjed kampanji dwar is-suġġett. There again żidna budget l-allokazzjoni finanzjarja b’75%.”
Cutajar qalet li l-qtil ta’ Chantelle Chetcuti jirrifletti problema ta’ mentalità patrijarkali. L-Onor. Cutajar sostniet: “Qed jibqqħu vittmi anke meta jiddeċiedu li joħorġu minn relazzjoni abbużiva. Mela qegħdin f’sitwazzjoni li jekk tibqa ma’ sieħeb u raġel abbużiv, ħa jweġġgħek imma anke jekk titilqu għandek ċans illi dan iweġġgħek sakemm ma joqtlokx ukoll.”
Fi stqarrija, il-membri tal-programm LEAD tal-Partit Laburista qalu li jinsabu.
Fissruha bħala pjaga fis-soċjetà u li n-nuqqas ta’ azzjoni qed jirriżulta biss f’aktar ħajjiet mitlufa.
Qalu li bħala nisa li jaspiraw li jagħmlu l-ġid fis-soċjetà tagħna, juru l-appoġġ tagħhom lill-familja ta’ Chantelle u l-qraba ta’ madwar 37 mara li mietu f’idejn ir-raġel, is-sieħeb, binhom jew qraba tagħhom fl-aħħar 40 sena.
Min-naħa tagħha l-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango qalet li mhux biżżejjed li ssaħħu l-liġijiet. Qal li l-vjolenza kontra n-nisa hija realtà u kkundannat lil kull min jipprova jċekken dak l-att makabru.