Raul Vela, raġel li kellu jara lit-tifla tiegħu tmut ftit ġimgħat ilu, ma jridx li jagħmel paċi u lanqas li jżomm kwiet. Anzi, sostna li jrid azzjoni.
Brandy Vela, tfajla ta’ 18-il sena, neħħiet ħajjitha b’idejha quddiem il-ġenituri tagħha wara li sfat vittma ta’ ibbuljar fuq l-internet. It-tfajla li kienet tgħix f’Texas, sarilha l-funeral il-Ġimgħa. Fl-istess ġurnata kienet inħolqot paġna fuq is-sit soċjali Facebook biex titfakkar il-memorja tagħha.
Din l-idea spiċċat intużat b’mod malizjuż hekk kif ċertu individwi komplew jibbuljaw lil din it-tifla saħansitra anke wara mewtha.
Kien għalekk li missierha ddeċieda li jiġġieled lura.
Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Texas qalu li se jkunu qed isegwu r-rapport li għamel missier Brandy.
Vela qal li ma jistax ibiddel dak li ġara iżda qed jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jipperswadi lil dawk li jieħdu ħsieb il-liġijiet biex tiżdied ir-restrizzjoni fuq il-midja soċjali.