Claudio Castano u Walter Baldacchino, Taljan u Malti, tressqu l-Qorti mixlija li kellhom fil-pussess tagħhom mal-ħames kilogrammi ta’ kokaina flimkien ma’ ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Fil-Qorti nstema’ kif l-iskwadra ta’ kontra d-droga kellha informazzjoni li kienet se tinbiegħ ammont sinifikanti ta’ droga f’San Pawl il-Baħar. Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija għamlet diversi tfittxijiet f’karozzi fiż-żona u kien hemm persuna li rnexxielha taħrab mill-Pulizija b’karozza.
Claudio Castano, l-imputat ta’ 49 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Apparti l-pussess aggravat ta’ kokaina, huwa kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus. Castano baqa’ jinżamm taħt arrest hekk kif id-difiża m’għamlet ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Min-naħa tiegħu Walter Baldacchino ta’ 44 sena, li joqgħod il-Belt Valletta wieġeb mhux ħati għall-allegat pussess aggravat ta’ kokaina. Id-difiża mmexxija minn Franco Debono u Francesca Zarb talbet għall-ħelsien mill-arrest u nnutat li dan għandu xogħol u residenza fissa f’Malta, u b’differenza mill-imputat ta’ qablu, dan m’għandux familja barra minn Malta.
Baldacchino baqa’ jinżamm arrestat u l-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputat.
Il-pulizija qalet li l-valur fit-triq tad-droga inkwistjoni jlaħħaq il-kwart ta’ miljun ewro.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/05/16/malti-u-taljan-ghall-qorti-dwar-qabda-ta-5kg-droga-bvalur-ta-kwart-ta-miljun-ewro/