Numru ta’ persuni dalgħodu għażlu li jmorru kontra l-appelli tal-Awtoritá tal-Ambjent u r-riżorsi biex ma jsirx mixi, ġiri jew qbiż fuq it-Tieqa tad-Dwejra.
Dan jidher f’ritratti li poġġa l-Membru Parlamentari Luciano Busuttil fuq is-sit soċjali facebook, li qajjem diskussjoni fost il-pubbliku, li fost oħrajn ikkumentaw li l-pubbliku għandu jirrapporta n-meta jara xi persuni mexjin fuq din it-tieqa.
Kien ftit tal-jiem ilu li l-Awtoritá tal-Ambjent u r-riżorsi ħarġet ordni ta’ konservazzjoni bl-għan li ebda persuna ma taċċessa t-Tieqa tad-Dwejra.
Se jkun qed isir ukoll tibdil fil-liġi sabiex din iż-żona verament tiġi protetta. It-tabella eżistenti li twissi li huwa riskjuż li wieħed jaqbeż u jimxi fuq din it-tieqa, se tkun qed tinbidel f’waħda b’avviż legali.
L-Awtoritá spjegat li l-pjan hu, li anke jkollha uffiċjali f’din iż-żona, biex din l-ordni ta’ konservazzjoni tiġi rispettata. Dawn l-uffiċjali se jkunu jistgħu jagħtu multa lil persuni li ma josservawx ir-regoli, multa li tibda minn €1500.