Minkejja li m’għadux Deputat, Jason Azzopardi għadu mażżra m’għonq Bernard Grech u l-partit li jmexxi.
Għalkemm s’issa Bernard Grech prova ma jgħid xejn uffiċjalment dwar il-fatt li Azzopardi reġa’ lura bis-saħħa fil-Partit Nazzjonalista, u prova jagħti impressjoni falza ta’ distanza bejniethom, din il-ġimgħa kellu jċedi għall-pressjoni ta’ Azzopardi nnifsu.
Mhux talli r-ritorn tiegħu fil-PN sar magħruf uffiċjalment, talli l-PN sar l-Avukat difensur ta’ Jason Azzopardi. U l-pożizzjoni ta’ Jason Azzopardi dwar ir-riforma fl-inkjesti saret il-pożizzjoni tal-PN. Pożizzjoni li nistennewha toħroġ nhar it-Tlieta fil-Parlament, meta jibda d-dibattitu ta’ din ir-riforma fl-istadju tat-tieni qari.
Fil-Partit Nazzjonalista kien hemm min beda jipprova jirraġuna illi jeħtieġ li jkun hemm riforma fl-inkjesti Maġisterjali wara kollox anke l-aħħar Gvern Nazzjonalista kien ipprova jagħmel bidla imma ma kellux is-saħħa u r-rieda li jbiddel xejn quddiem problemi oħra illi beda jiffaċċja.
Iżda l-vuċijiet li jirraġunaw fil-PN malajr siktu u nġarrew mal-kurrent ta’ Jason Azzopardi u sħabu ta’ Repubblika. Deuputat li kien qiegħed jitkellem fil-Parlament nhar l-Erbgħa nstema’ jgħid “qed iwaqqagħna għan-nejk” wara li ħarġet l-aħbar li l-Qorti ma laqgħetx it-talba ta’ Azzopardi biex issir inkjesta fuq Silvio Schembri.
Ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali għandhom l-intenzjoni illi jipproteġu l-interessi ta’ ċittadini Maltin li jistgħu jkunu fil-mira ta’ inkjesti maġisterjali frivoli u fiergħa. Huma intizi wkoll biex jipproteġu lill-ġudikatura milli tintuża bħala ballun politiku.
Il-PN minn dejjem oppona riformi kbar li għamlu Gvernijiet Laburisti iżda bħala partit li huwa magħruf bħala l-partit tal-Avukati, kien hemm tentattiv żgħir ta’ diskussjoni illi malajrinħanaq malli Karol Aquilina u l-klikka tiegħu bdew jgħidu li se jneħħu kull riforma minnqabel ma raw l-abbozz ta’ liġi. Bernard Grech kellu jagħmel dak illi qalulu Aquilina, Azzopardi u l-bqija anke jekk ir-riforma li qed issir hija dettata minn liġijiet kontinentali li jinsabu f’ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Ir-riformi li qed isiru hemm riformi serji iżda l-fazzjoni estremista għandha ferneżija tant li bagħtet lill-Avukat Edward Debono fuq it-televiżjoni tal-PN biex jgħid illi dan il-Gvern mhux se jippermetti aktar inkjesti li jinbdew fuq detto del detto (hearsay evidence), jiġifieri li xi ħadd ikun sema’ xi ħaġa fuq xi ħadd, u dan imur jirrepetiha. Tali prova ma hija ammissibbli f’ebda Qorti fid-dinja.
L-Avukat fil-kamp kriminali Joe Giglio qiegħed joqgħod sieket għall-aħħar biex ma jidhirx ikrah għaliex jaf illi jista’ jiffaċċja konsegwenzi jekk jagħmel mod ieħor. Jason Azzopardi u Karol Aquilina diġà għandhom problema b’Giglio u qed jagħmlu minn kollox biex jaqilgħuh.
Meta fil-jiem li ġejjin jibda d-dibattitu parlamentari dwar dawn ir-riformi, kull membru tal-Oppożizzjoni mistenni jiġbed l-istess ħabel ta’ Jason Azzopardi.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/10110125/A42BC74E-115F-4785-9E6F-1A9C697D2645-1024x648.jpeg)