Il-Kandidat għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona saħaq li, ġimgħa wara li l-Qorti ma’ sabitux ħati tal-malafama fil-konfront tal-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil baqa’ ma’ għamel xejn minkejja li mis-sentenza tal-Qorti joħroġ bl-aktar mod ċar li Fenech, illum deputat Nazzjonalista, kien irċieva arloġġ rigal mill-kumpanija Powerplan Limited, li kienet involuta fl-iskandlu taż-żejt.“Simon Busuttil għadu lanqas lissen kelma fuq dak li kien żvelat fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda, fejn hemm każ ta’ frodi ta’ pensjonijiet li fuqu hemm investigazzjoni għaddejjha mill-Pulizija u l-awtoritajiet fl-Isveżja. Każ li fuqu ġurnalista li qed isewgi l-każ fl-Iżvezja stqarret li jkun aħjar li Tonio Fenech jitkellem.”
Cardona stqarr li din is-sitwazzjoni qed tkompli tnawwar il-kredibilità tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li kien iddikjara li jekk ikollu xamma ta’ xi ħaġa fuq dawk ta’ madwaru ma jdumx aktar minn minuta biex jiddeċiedi. Mis-sentenza tal-Qorti, li hija ferm aktar minn dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddeskrivi bħala xamma, għaddew 10,080 minuta u baqa’ ma’ ħa l-ebda deċizjoni, saħaq Chris Cardona.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha rreferit għall-fatt li r-rigal inbena minn Ines Farrugia, li tiġi l-mara ta’ Raymond Farrugia, li huwa hu George Farrugia, li kien il-persuna li ingħatatilha l-maħfra presidenzjali mill-Gvern preċedenti, li fiħ Tonio Fenech kien Ministru u li kienet tirrigwarda skandlu ta’ korruzzjoni fil-qasam taż-żejt. L-istess arloġġ kien tħallas mill-kumpanija Powerplan Limited, il-kumpanija li kienet involuta fl-istess każ ta’ l-iskandlu taż-żejt.
Cardona żied jgħid li wieħed irid jistenna issa kemm il-minuta oħra trid tgħaddi biex il-Kap tal-Oppożizzjoni li tant jitkellem fuq standards, jgħid imqar nofs kelma. Huwa ċar daqs il-kristall li l-pożizzjoni ta’ Tonio Fenech mhijiex aktar tennibli stqarr Chris Cardona filwaqt li qal li huwa fid-dover tal-Partit Laburista li jkompli jaffronta l-Partit Nazzjonalista b’dan l-iskandli li wettqu meta kienu fil-Gvern u li llum mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni qed jattakkaw sistematikament b’mod inġust lil Gvern Laburista.
https://youtu.be/2KGzY37z7yw