Familja li telqet mid-dar li kellhom f’Detroit, u ħalliet warajha ħafna affarijiet. Fosthom ħalliet saqqu antik, ftit għamara antika… u kelb vera leali. Fil-fatt, dan il-pitbull tant huwa leali, li baqa’ jistenna lil sidu għal xahar sħiħ.
Ġirien ta’ din il-familja segwew lil dan il-kelb, bl-isem ta’ Boo, jorqod fuq il-bankina tad-dar li kien jgħix fiha hu wkoll u jiekol ikel li jagħtuh il-ġirien.
Ġurnata minnhom l-istess ġirien iddeċidew li jċemplu liċ-Ċentru tas-Salvataġġ tal-Klieb ta’ Detroit sabiex jiġu u jiġbru lil Boo. Meta l-fundatur tal-għaqda, Mike Diesel, wasal fuq il-post Boo kien għadu fl-istess post jistenna.
“Ta’ kelb leali li hu, baqa’ jistenna lil sidu fl-istess post bit-tama li xi darba sidu jirritorna lura għalih.” Diesel spjega kif hu induna li l-missjoni tiegħu kellha tkun li jgħin lil dan il-kelb jaċċetta r-realta’ dwar is-sitwazzjoni li ġratlu. Minn hemm beda proċess twil ta’ ħbiberija ma’ dan il-kelb sakemm fl-aħħar Boo aċċetta li jitlaq mill-post fejn tħalla u mexa b’kullar għall-vann ta’ Diesel.
Il-ħolma ta’ Boo llum il-ġurnata hi li jsib sid li jħobbu daqs kemm jaf iħobb hu.