Raġel ta’ 45 sena li joqgħod ir-Rabat Għawdex baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded u weġġa’ ħafif persuna b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar waqt li kien fi Triq l-Ewropa, r-Rabat, Għawdex.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana, l-imputat ġie akkużat ukoll li żamm fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja jew permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
L-imputat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.