Alexander Anthony Gialanze Whiteford ta’ tmienja u tletin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad li seraq u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuq mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni sostniet kif f’April, ħaddiema ta’ stabbiliment f’San Ġiljan irrappurtaw xi affarjiet misruqin mill-uffiċċju tagħhom, u sostnew mal-Pulizija kif il-bini kien mgħammar bil-kameras tas-sigurtà.
Fil-Qorti nstema’ kif l-imputat, li m’għandux xogħol jew residenza fissa, ġie identifikat u meta kien se jiġi nterrogat mill-Pulizija, dan ittieħed fl-isptar ta’ Monte Karmeli minħabba l-problema serja tal-imputat marbuta mal-vizzju tad-droga.
Id-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda nnutat li minħabba l-vizzju tad-droga tiegħu, l-imputat għandu jingħata ċ-ċans biex jirrijabilita ruħu.