Raġel li nqabad jipprova jiftaħ bieb ta’ residenza privata b’ħadida, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ attentat ta’ serq.
Marcin Grzegorz Nowak, Pollakk ta’ wieħed u ħamsin sena, ġie arrestat il-Ħadd waranofsinhar mumenti wara li uffiċjali fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra rċevew sejħa għall-għajnuna minn resident.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u sabu lill-persuna li ċemplet u lill-allegat aggressur.
Is-suspettat ġie arrestat u l-ħadida blu li allegatament intużat biex jipprova jisgassa l-bieb, ġiet elevata.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkuża t’attentat ta’ serq aggravat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li s-suspettat ikkoopera mal-Pulizija u ammetta li għandu l-vizzju tax-xorb.
L-avukat tal-għajnuna legali tal-akkużat qal li r-raġel għandu jingħata l-għajnuna li għandu bżonn biex jegħleb il-vizzju u żied li jidher li r-raġel kien taħt l-influwenza tal-alkoħol fil-ħin tal-każ.
Il-Qorti ma kinitx konvinta li l-akkużat iżomm mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant ċaħdet it-talba li saret biex jinħeles.