Stefan Cutajar ta’ 36 sena li joqgħod Ħal Safi tressaq il-Qorti b’diversi akkużi relatati ma’ serq u li huwa riċediv.
Id-difiża ma’ kkontestatx l-arrest u l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Roderick Agius u Sarah Zerafa oġġezjonat hekk kif l-imputat mhux affidabbli minħabba l-fedina penali tiegħu.
Hija spjegat li l-imputat ħareġ mill-faċilitá korrettiva ta’ Kordin f’Marzu li għadda u l-Qorti tagħtu ordni ta’ probation. Il-prosekuzzjoni qalet li dan iċ-ċans li tagħtu l-Qorti ma ħadux. L-ispettur Roderick Agius stqarr li hemm ukoll diversi xhieda pajżana li għad jridu jixhdu.
L-avukat tal-għajnuna legali Dr. Yanika Bugeja stqarret li f’dan l-istadju l-akkużat għadu jitqies innoċenti għalkemm l-akkużi huma numerużi u ta’ ċertu gravitá. Hi qalet li l-imputat għandu problema ta’ droga u qiegħed f’kuntatt mal-aġenzija Sedqa sabiex jirċievi l-għajnuna. Dr Bugeja spjegat li huwa għandu problema ta’ saħħa wkoll minħabba l-istess vizzju.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda rrakomandat li l-imputat jingħata l-attenzjoni medika meħtieġa.