Ruby Okeoma, Niġerjan ta’ 35 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati ta’ akkużi ta’ importazzjoni tad-droga kokaina f’Malta.
Okeoma, li joqgħod Ħal Luqa, deher quddiem il-Qorti tard it-Tnejn filgħaxija wara li ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li nqabad b’madwar kilo droga suspettata kokaina moħbija fl-istonku.
Huwa kellu ftit iktar minn 100 kapsula ta’ droga, suspettata kokaina, li tammonta għal madwar kilo u b’valur fit-triq ta’ kważi €130,000, f’ġismu.
Fl-ajruport Okeoma baqa’ jidher aġitat u ma tantx beda jikkopera mal-pulizija. Kien għalhekk li ntalbet aktar assistenza u kelb tal-Pulizija beda jindika li r-raġel seta’ kien qiegħed iġorr xi ħaġa suspettuża fl-istonku.
Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u b’hekk baqa’ jinżamm arrestat.