Hubert Gatt ta’ tnejn u tletin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati meta ttella’ l-Qorti mixli b’kompliċità f’serqa minn pastizzerija tal-ikel f’Ħal Qormi.
Fil-Qorti l-Proskeuzzjoni spjegat li s-serqa aggravata bi vjolenza, bil-valur kif ukoll bil-ħin hekk kif is-serqa twettqet fit-tmienja ta’ filgħaxija u l-ammont kien jaqbeż ċertu ammont.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli kien irrakkontat li b’rabta ma’ din is-serqa kien arrestat u tressaq raġel ieħor iżda wara aktar stħarriġ waslu għall-imputat li allegatament kien qed isuq il-karozza li biha r-raġel li għamel is-serqa ħarab minn fuq il-post.
L-Avukat tad-Difiża Ishmael Psaila għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba qanqlet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni minħabba l-gravità tal-att filwaqt li sostniet li l-akkużat mhuwiex affidabbli kif tixhed il-fedina penali voluminuża tiegħu.
L-Avukat Psaila sostna li l-evidenza hija ppreservata u diġà nġabret iżda l-ispetturi saħqu li għad hemm numru ta’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu b’rabta ma’ dan il-każ.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien u ħeġġet il-Prosekuzzjoni biex fl-ewwel seduta tibda billi ttella’ x-xhieda pajżana tagħha.