L-Avukat ta’ Kristian Zekic, li qed ikun akkużat li ħeba l-ġisem fil-każ tal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker u li għamel użu minn isem falz, argumentat li l-klijent tagħha għadu qed jinżamm arrestat mingħajr ħelsien, sitt xhur wara li kien arrestat, fejn fl-istess perjodu taż-żmien deher quddiem il-Maġistrat tliet darbiet dan hekk kif is-smiegħ tal-każ għadu ma bediex.
Il-każ kontra Zekic kompla kmieni dalgħodu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja wara numru ta’ ġimgħat, minħabba li l-Qorti kellu impenji oħra.
Rappreżentant minn Jobs Plus qal kif ma seta’ jsib l-ebda tip ta’ rekords fuq Zekic, iżda li sab rekords għal isem ieħor li kien qed juża l-akkużat, dak ta’ Adamjohn Niasov.
L-Avukat Giannella De Marco flimkien mal-avukat Stephen Tonna Lowell, li qed jiddefendu lil Zekic, sostnew li l-aħħar li deher quddiem Maġistrat kien lura fit-28 ta’ Marzu u li l-akkużat baqa’ miżmum f’ditenzjoni mill-ewwel jum tal-arrest tiegħu.
De Marco sostniet li l-liġi tgħid li l-akkużat għandu jidher il-Qorti kull ġimgħatejn f’każijiet bħal dawn iżda f’dan il-każ ilu ma jidher quddiem Maġistrat għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Spjegat kif l-aħħar talba għal ħelsien mill-arrest damet madwar erba’ ġimgħat biex ħarġet id-deċiżjoni u li kull darba li jerġa’ jkun hemm applikazzjoni, l-akkużat ngħata risposta standard mingħand il-Qorti.
Hi qalet li għal raġunijiet li semma l-Avukat Ġenerali fir-risposta tiegħu, il-Qorti m’aċċettatx it-talba iżda fl-ebda mument ma ġie nnotifikat l-akkużat dwar din id-deċiżjoni. De Marco qalet li għalkemm mhix obbligu li l-akkużat jiġi nnotifikat, għandu jingħata r-raġuni wara d-deċiżjoni meħuda u għalfejn se jkun qed jibqa’ jinżamm f’ditenzjoni.
Hi żiedet tgħid li persuna għandha tinħeles mill-arrest f’każi pendenti sakemm l-istat ma jkollux raġuni valida wara d-deċiżjoni li jibqa’ jinżamm f’ditenzjoni qabel jibda jisntema’ l-każ.
L-Avukat argumentat li l-fatt li t-talba tal-akkużat qed tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-interess tal-pubbliku hi xi ħaġa “redikola” fejn sostniet li dan hu ksur ta’ drittijiet tal-bniedem. Sostniet li biex arrest ikun meqjus bħala illegali, l-akkużat irid ikun ilu tmien xhur miżmum arrestat – fejn f’dan il-każ diġà ilu sitt xhur miżmum fejn s’issa ġiet ippreżentata l-evidenza u darba oħra saru sottomissjonijiet qabel l-applikazzjoni preżenti ma ġiet ippreżentata.
Kien għalekk li l-Maġistrat Aaron Bugeja ħabbar li se l-Qorti se tkun qed tippubblika digriet bil-każ ikompli f’Awwissu.